Taħt id-dell ta' gwerra, mass meetings bilqiegħda u qisu kollox ta' bilfors! Il-Kampanja elettorali...

Mhux xi sigriet li din l-elezzjoni ma tantx kien hawn xi ħeġġa għaliha, imma wara t-tieni ġimgħa huwa ċar li lanqas il-partiti ma huma jarmu xi ħafna nar sa issa. U bil-kunflitt Ukren, il-kampanja saret kważi rrileventi. L-ILLUM tanalizza...

Il-kampanja issa ħarġet mit-tieni ġimgħa tagħha u riesqa prattikament f'nofsha u allura wieħed jista' jevalwa din il-kampanja ftit iktar mill-qrib, anke mqabbla ma' kampanji elettorali passati. F'dan l-ispazju se nagħtu ħarsa lejn uħud mill-punti li l-aktar ġibdu l-attenzjoni ta' din il-gazzetta u ta' ħafna nies madwar il-pajjiż.  

Kważi surreali... kompletament mitfija mill-kunflitt Ukrajna 

Huwa ovvju għal ħafna nies, dejjem aktar ovvju fil-fatt, li din probabbilment hija l-aktar kampanja elettorali surreali li kellna f'ħafna u ħafna snin. Minkejja li qegħdin fil-qalba ta' kampanja elettorali l-ħeġġa hija waħda f'livelli ħafna aktar baxxi milli wieħed jistenna waqt kampanja politika bl-attenzjoni kważi tkun esklussivament fuq il-kunflitt bejn l-Ukrajna u r-Russja.  

U bir-raġun! Tal-Ukrajna hija gwerra wara biebna, gwerra li beda dittatur perikoluż - mill-ġdid wara biebna - u kwistjoni li serqet l-attenzjoni assoluta tal-Unjoni Ewropea, inkluż il-Parlament Ewropew din il-ġimgħa li organizza sessjoni plenarja straordinarja li rat lill-akbar irjus tal-unjoni jirriservaw kliem mill-aktar iebes lejn Putin.  

Bis-sitwazzjoni tiżviluppa minn ħin għall-ieħor, diversi pajjiżi - inkluż l-UE, jibdew sanzjonijiet iebsin kontra Putin u bit-theddida ta' gwerra tibqa' mdendla, ħafna qed jippreferu jaqilbulu fuq is-CNN, il-Euronews jew l-Al Jazeera, milli fuq il-ONE u n-Net.  

Il-kampanja elettorali spiċċat qisha d-dinja ta' Liluput, hekk kif ir-realtajiet ta' kunfitt perikoluż kważi tefa' lill-kampanja fid-dinja tas-surreali! 

Hemm raġunijiet oħrajn għal din in-nuqqas ta' ħeġġa li fil-fatt diġà trattajna nhar il-Ħadd li għadda u li huma prinċipalment: L-elezzjoni qed issir f'ambjent politiku nieqes mit-tensjoni u l-akkużi li fih kienet saret l-elezzjoni tal-2017, bħall-akkuża Egrant - fattur li jgħaqqad u jsaħħaħ lill-għeruq. Iż-żewġ mexxejja huma meqjusin illi huma neqsin mill-kapaċità li jiġbdu l-masses il-kbar hekk kif l-oratrija tagħhom hija 'l bogħod minn dik ta' Joseph Muscat, Lawrence Gonzi jew Eddie Fenech Adami. Hemm il-fatt li f'ħames snin sħaħ il-Partit Laburista dejjem żamm maġġoranza komda u konsiderevoli fuq il-Partit Nazzjonalista f'kull sondaġġ li kien ippubblikat, maġġoranzi li spiċċaw taw rebħa ta' 43,000 vot lill-PL fl-2019.  

U finalment hemm il-Covid-19. Wara ħafna restrizzjonijiet u wara xhur ta' poplu li kellu jiċċaħħad mill-ħajja soċjali tiegħu b'miżuri u kontro-miżuri, bħalissa moħħ ħafna huwa fejn se jmorru fis-sajf, ta' min se jilbsu fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, liema Rxoxt se jmorru jaraw fl-Għid il-Kbir, x'se jagħmlu għall-festa tar-raħal u kif se jerġgħu jirbħu ħajjithom mill-ġdid.  

Shopping List! 

L-aktar analista politiku oġġettiv ukoll jista' jinnota kif din il-kampanja spiċċat litteralment qisha ġurnata shopping waqt is-sales ta' Jannar. Iż-żewġ partiti għaddejjin b'maratona kważi ma taqta' xejn ta' miżuri finanzjarji li qed iwegħdu lin-nies. U hemm ħemel! Il-Gvern iħallaslek €1,000 fis-sena mis-self tad-dar, tnaqqis fit-taxxi, ċitazzjonijiet ffriżati għal sitt xhur, skemi u kontro-skemi ta' ħlasijiet lil min jixtri dar, pagi ogħla... naqra oħra u l-PN u l-PL iwgħeduk li tista' toqgħod id-dar u jħallaslek il-paga l-Gvern!  

Filwaqt li hemm diversi miżuri li fihom ħsieb u li huma soċjalment ġusti bħall-għajnuna fuq l-unformijiet (PL) u anke l-għajnuna għal min ma jikkwalifikax għas-sussidju tal-kera (PN) jinħass illi hemm wisq ferneżija u attenzjoni fuq miżuri li jolqtu lill-but u ftit dwar il-futur, sa issa.  

Anke jekk il-Partit Nazzjonalista semma' numru ta' setturi (ħallieha li wħud minnhom diġà joperaw f'xi forma bħalissa) l-attenzjoni malajr intefgħet fuq miżuri partikolari u dawk relatati mal-but, wara li l-Labour beda l-kampanja propju b'dan il-mod. U l-proposta taċ-ċitazzjonijiet ma tantx għenet biex l-attenzjoni tal-PN tibqa' fuq il-proposta ta' 10 setturi ekonomiċi "ġodda". 

Anke jekk ximkien hemm pjani għall-futur, dawn qed jintilfu f'din il-ġirja li iktar qed tidher qisha tiġrija ta' rigali!  

X'differenza mill-elezzjonijiet tal-1987, 1998, 2003 jew 2013 - meta dan il-poplu kien mehdi jitkellem u jiddibatti il-futur tal-pajjiż fl-Ewropa jew inkella l-bidla fid-direzzjoni.  

Ħaġa oħra li ma tantx qed timpressjona lin-nies hija kif se jitħallsu dawn l-inċentivi kollha u dawn il-miżuri kollha jekk pajjiżna - bħal pajjiżi oħrajn -  se jintlaqat minn aktar għoli fil-prezzijiet tal-enerġija minħabba s-sanzjonijiet, filwaqt illi pajjiżna - bħal kull pajjiż ieħor - ra d-defiċit u d-dejn nazzjonali jisplodi 'l fuq minħabba elenku twil ta' miżuri li l-Gvern ħa biex in-negozji jibqgħu fil-wiċċ u ma jkeċċux ħaddiema.  

Allura waħedha il-mistoqsija: kriżijiet, għoli, defiċit u allura kif se titħallas din ix-shopping list kollha?  

Mass meeting... Bilqiegħda? 

Xi ħaġa nieqsa minn din il-kampanja li konna drajna naraw f'kull kampanja elettorali huma l-mass meetings. Kull nhar ta' Ħadd eluf fuq eluf jinġabru ħerqana f'xi triq, il-fosos jew f'xi pjazza kbira jisimgħu l-messaġġi tal-mexxejja politiċi. Imbagħad erħilha d-dar u l-aktar ħaġa diskussa l-Ħadd filgħaxija tkun "kemm kellhom nies" "min kellu l-aktar nies?" "se jirbħu, ara x'kellhom", "neħduhielhom, fqajna l-fosos". L-għada t-Tnejn il-gazzetti rispettivi tal-partiti jippubblikaw ritratti kbar tal-folla kbira b'xi aġġettiv mċappas mal-faċċata tal-gazzetta, bħal "Massiċċ", "Enormi", "Baħar ta' nies." 

Illum, minflok qed ikollna mass meetings bilqiegħda! Anke tgħidha naqra stramba, aħseb u ara taraha.  

Dak tal-Labour fin-Naxxar kien pjuttost fqir, bi ftit li xejn entużjażmu u nies jerħulha lejn id-dar minħabba l-kesħa. Dak tal-PN kien fih ftit aktar ħeġġa, għalkemm lanqas irnexxielu jimla' mqar saz-zuntier tal-Knisja bin-nies!  

Naturalment dan kollu qed isir minħabba l-Covid-19, anke jekk ħafna stabbilimenti ma tantx huma kuntenti li l-partiti xorta qed ilaqqgħu lin-nies meta huma għadhom qed jiffaċċjaw ċerti restrizzjonijiet.  

Apparti din jidher li f'xi attivitajiet l-attendenza qed tkun fqira mmens. Din il-ġimgħa rajna l-attivitajiet b'attendenza fqira mmens li kellu l-PN f'Raħal Ġdid, iż-Żejtun u l-Imsida - fejn saħansitra l-partit kellu problema biex jimla' t-tinda. Wara disa' snin fl-Oppożizzjoni wieħed jistenna li l-PN ikollu l-folol jiġru warajh, mhux tined mimlija bl-uffiċjali u ftit li xejn nies quddiem it-tined.  

Il-Partit Laburista - minkejja li qed ikollu xi ftit aktar nies, xorta mhux qed ikollu s-segwaċi li kien imdorri bihom fl-2013 u l-2017. Per eżempju minkejja li l-attività taż-żgħażagħ fl-Isla kellha attendenza tajba, kellha attendenza ħafna inqas mill-ewwel attività tal-Forum Żgħażagħ Laburisti, meta tnediet il-kampanja 'I'm in' fl-2013.  

Minkejja li fil-verità huwa l-vot li jgħodd, id-daqs tal-folol huwa termometru ċar ta' kemm hawn (jew m'hawnx) ħeġġa għal din l-elezzjoni! 

Logos: Liema wieħed tal-PN u tal-PL? 

Il-logos ukoll! Lanqas tkun ċert eżatt liema minnhom huwa tal-PN u liema tal-PL. Dan meta normalment id-differenza tkun waħda kbira u ċara.  

Meta l-Partit Laburista kellu l-messaġġ tal-Aqwa Żmien, il-Partit Nazzjonalista kien qed jgħaddi l-messaġġ ta' 'Jiena Nagħżel Malta'. Meta l-PL kien qed jimbotta l-messaġġ ta' 'Bidu Ġdid', imma l-Partit Nazzjonalista kellu l-messaġġ 'Flimkien Kollox Possibbli'. Meta l-Labour kien jgħid 'Valuri Sodi. Viżjoni Moderna' u l-PN kellu l-messaġġ 'Ġid. Fiduċja. Direzzjoni' fl-1998 - elezzjoni miġġielda fuq il-kwistjoni tal-UE. Bħall-2003 meta l-PN kellu l-messaġġ 'Rebbiegħa Ġdida - Xogħol. Ġid. Serjetà u l-PL - li kien għadu kemm tilef ir-referendum għall-sħubija fl-UE kellu l-messaġġ politiku, 'Futur Aħjar l-Ewwel Int.' 

U nistgħu nibqgħu sejrin għal dawk il-messaġġi ikoniċi li kienu l-muturi tal-bidla, 'Xogħol. Ġustizzja. Libertà' tal-PN fl-1987 u 'Malta Tagħna Lkoll' fl-2013. 

Din is-sena iżda l-logos donnhom huma wisq viċin xulxin, bl-isem Malta tkun fiċ-ċentru tal-messaġġ. Il-PN għandu "miegħek" u l-PL għandu "Flimkien". 

Kuntrarjament għal ħafna kampanji oħrajn ma nħarġux diski bil-Malti li r-ritornell tagħhom ikun il-messaġġ tal-partit jew inkella li jkollhom messaġġ politiku, bħal 'Ngħidu Iva' fl-2003, 'L-Aqwa Żmien' fl-2017 u lanqas qed jintużaw xi diski ikoniċi, popolari u tal-widna barranin li tant konna mdorrijin bihom fl-aħħar 20 sena. 'The Final Countdown' ta' Europe, li kienet assoċjata mal-PN fl-1987 u anke l-1992, 'Children' ta' Robert Miles assoċjata mal-Labour fl-1996, We Take The Chance li ndaqqet fl-1998 fil-mass meetings tal-PN l-ewwel u kienet suċċess instantanju, kif ukoll 'The only Way is Up (Labour)' fl-2008.  

Minkejja dan, f'din il-kampanja  - li qed issir kważi għax ta' bilfors - mhux qed naraw diski simili li jqajmu u jħeġġu lill-mases kif konna mdorrijin naraw f'kampanji passati.  

Il-futur, il-passat u poplu fgat! 

Il-lingwaġġ ta' din il-kampanja - jew aħjar tal-mexxejja politiċi tal-PN u l-PL - huwa issa ċar, qed jiġi ripetut diversi drabi u juri lil fejn sejra l-istrateġija tal-partiti l-kbar.  

Robert Abela qed jinsisti ħafna dwar il-futur. Hemm diversi raġunijiet għal dan: Abela qed jinsisti għall-ewwel mandat u filwaqt li jekk jirbaħ verament ikun l-ewwel mandat tiegħu, huwa ċar li qed jaċċenna għal dan biex b'mod indirett jinqata' mill-passat riċenti li huwa ddominat minn Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi. Huwa ċar ukoll li bil-ħeġġa għall-futur qed jipprova jagħti tama lill-poplu li fl-aħħar xhur kellu qalbu maqtugħa, b'moral baxx hekk kif darba wara oħra ra l-ħajja soċjali tiegħu tieħu daqqa wara oħra.  

Il-passat jirrapreżenta l-pandemija, ir-restrizzjonijiet u allura, minkejja l-għajnuna kollha li ta l-Gvern biex negozji ma jfallux u ħaddiema ma jitilfux xogħolhom, jibqa' fatt li l-pandemija fissret għafsa kbira ekonomika u nuqqas kbir ta' xogħol.  

Abela jista' jibni l-aqwa saħħa jekk il-poplu jemmen li fit-tajjeb se jerġa' jsib lill-Gvern, din id-darba mhux għall-għajnuna imma biex iħalli lin-negozji jimirħu, mingħajr restrizzjonijiet u jieħdu nifs tajjeb, kif tant qed jistennew.  

Bernard Grech qed jinsisti ħafna illi l-poplu huwa fgat. Fgat bil-korruzzjoni u governanza ħażina kif ukoll bil-bini kullimkien. Hawnhekk il-Kap tal-PN qed imiss ma' nerv partikolari - mal-uġigħ u d-dwejjaq li għandu l-poplu fuq diversi kwistjonijiet, b'mod speċjali l-ambjent. Id-dwejjaq fuq l-ambjent irriżulta mhux biss f'diversi sondaġġi, imma wkoll kien is-suġġett tal-partiti fl-ewwel parti ta' din il-kampanja, turija ċara li l-partiti tassew qed iħossu dan id-dwejjaq. 

Cassola qed jaħdem sew! 

Minkejja li ħiereġ biss fuq żewġ distretti l-ħidma ta' Arnold Cassola f'din l-elezzjoni mhix nieqsa. Għandu messaġġ elettorali magħmul eżatt biex jolqot lil dawk il-votanti tal-10 u l-11-il Distrett li huma mdejqin u rrabjati għall-Gvern, pero' li ma tantx għandhom xi ħeġġa għall-PN bħalissa lanqas.  

Cassola, bl-aktar mod ċar, qed jagħmel il-kampanja ta' kritika ħarxa lejn il-Gvern Laburista li mhux jagħmel il-PN daqstant u allura b'hekk qed jittama għal żewġ xenarji.  

L-ewwel: Li ħafna nies imdejqin biż-żewġ partiti f'dawn id-distretti - li jinkludu Tas-Sliema, is-Swieqi, il-Mosta u Ħ'Attard - jivvotawlu. Dawn jivvotawlu għaliex iħossu li ladarba ċ-ċans li jitlef il-PN xorta huwa kważi ċert, mela allura aħjar jivvotaw lill-kandidat li jirrapreżenta aktar ir-rabja li għandhom lejn il-Gvern u l-Partit Laburista.  

Inkella x-xenraju l-ieħor: Nies li jogħġobhom Cassola, imma li xorta jħossu li għandhom jivvutaw lill-PN fuq dawn id-distretti. F'dan il-każ Arnold Cassola jkun jista' jittanta l-aħjar xortih billi ħafna minn dawn jagħtuh it-2 u għalhekk jidħol fiċ-ċans li jirbaħ siġġu grazzi għall-wirt.  

Dan il-kandidat - li xi darba kien imexxi l-Alternattiva Demokratika imma kisirha minn ma' dan il-paritit, minħabba l-abort - kellu suċċess kbir fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2004. Dakinhar huwa kien kiseb 22,938 vot. Fl-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-2019 Cassola - bħala indipendenti - kiseb 2,127 vot, aktar mill-Alternattiva Demokratika f'daqqa li kisbet 1,866 vot b'kollox. 

More in Elezzjoni 2022