Rebħa għall-Iskalin! Il-PM Robert Abela jħabbar li l-pjani għal marina se jitwaqqfu minnufih

Abela jammetti illi ltaqa' ma' ħafna biża' u inkwiet fuq pjani għal marina f'Wied il-Għajn u kien dan li wasslu biex jaqbel illi dan il-proġett għandu jitwaqqaf

Il-PM Robert Abela  -  kif żvela dan is-sit aktar kmieni illum -  ta direzzjoni ċara fuq il-pjani għal marina f'Wied il-Għajn u qal li fiċ-ċirkostanzi u hekk kif għad hemm ħafna biża' li dan il-proġett se jieħu mill-art u l-baħar tal-pubbliku, "iddeċidejna li għandu jitwaqqaf minnufih."

Huwa qal illi minn meta l-ewwel li ra l-pjanijiet għamilha ċara li ż-żoni tal-għawm huma sagrosanti u ma jistgħux jintmessu, filwaqt illi t-tieni prinċipju tiegħu kien li jkunu osservati postijiet minn fejn jittella' n-nar għall-festa ta' Sant'Anna, dan apparti li tinstab soluzzjoni għal min għandu irmiġġ. 

"Aħna komplejna nisimgħu lin-nies u fhimt li għal ħafna li jgħixu hawn għalihom is-sabiħ huwa li filgħaxija tinżel timxi mixja mal-baħar. Dan huwa l-iżvog ta' ħafna li jgħixu hawnhekk - bħalma ngħix jiena hawnhekk."

Huwa qal li l-Gvern kien qed jitkellem man-nies u jmur fi djarhom u fehem li kien hemm il-biża' fuq dan il-proġett, li art pubblika se tittieħed għall-ftit. "Imma minkejja dan, il-biża' baqgħet hemmhekk," ammetta l-Prim Ministru. 

Huwa sostna li kien għalhekk li tkellem mal-Ministru Ian Borg dwar dan il-proġett - kif qal li jitkellem miegħu fuq ħafna proġetti infrastrutturali oħrajn - u qal illi wara li ra illi fost il-poplu hemm il-biża' u tħassib kbir, iddeċieda li jwaqqaf il-proġett minnufih.

Pjanijiet għal marina f'Wied il-Għajn intlaqgħu bi protesti u reżistenza kbira minn mijiet ta' residenti u għaqdiet Skalin, kif ukoll mill-Kunsillier Nazzjonalista u Kandidat John Baptist Camilleri u l-Kunsill Lokali li tella' mozzjoni biex jesprimi ruħu kontra dan l-iżvilupp. Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne kif ukoll id-Deputat Jean Claude Micallef kienu wkoll fost l-ewwel Deputati Laburisti li esprimew ruħhom kontra l-proġett.

Huwa fakkar li din kienet sejħa għal dawk il-kumpaniji li jixtiequ juru illi għandhom ħila illi jwettqu l-proġett. Huwa qal li għal dan il-proġett ma hemmx pjanti approvati u lanqas hemm xi disinni partikolari. 

Robert Abela fakkar ukoll li kien fl-2006, Gvern Nazzjonalista kien alloka il-bajja ta' Wied il-Għajn bħala bajja li fiha tista ssir marina. 

'Il-pressjoni taħdem' - Moviment Graffitti

L-ewwel reazzjoni ġiet mingħand il-Moviment Graffitti li fil-fatt kien fuq quddiem fil-ġlieda kontra din il-marina. Filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha li opponew din il-marina sostnew illi jekk qatt il-politiċi jerġgħu joħolmu b'xi oħra "se issibuna lestu biex niġġilduha."

'Deċiżjoni ta' konvenjenza' - Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista wkoll esprima sodisfazzjon għad-deċiżjoni tal-Prim Ministru li sejħilha U-Turn "wara xhur ta’ indeċiżjoni u sfidi quddiem protesti leġittimi."

"Id-deċiżjoni ta’ Robert Abela tal-lejla hija waħda ta’ konvenjenza u turi li Robert Abela huwa maqtugħ min-nies li ilhom xhur juruh li ma jaqblux ma’dan il-pjan u kien biss il-fatt li ninsabu lejliet l-elezzjoni ġenerali li wassal biex Abela biddel il-pożizzjoni tiegħu," kompla jgħid il-Partit Nazzjonalista

 

 

More in Elezzjoni 2022