Borg jiddeskrivi l-miżuri dwar it-TCNs bħala reazzjoni bla ħsieb u jqajjem dubji dwar konsultazzjoni mal-ministri
Fir-replika għall-Baġit tal-2027, il-Kap tal-Oppożizzjoni jippreżenta proposti dwar il-ħaddiema barranin, il-pagi, l-ewwel dar, it-trasport, l-edukazzjoni u t-turiżmu
minn Jaelle Borg
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg iddeskriva l-miżuri tal-Gvern dwar il-ħaddiema minn pajjiżi terzi (TCNs) bħala reazzjoni mgħaġġla u bla ħsieb, filwaqt li qajjem dubji dwar jekk il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana kkonsultax mal-kollegi tiegħu fil-Kabinett qabel ma ħabbarhom.
Fir-replika tiegħu għall-Baġit tal-2027 fil-Parlament it-Tnejn filgħaxija, Borg akkuża lil Caruana li introduċa miżuri li jistgħu jħallu konsegwenzi fuq in-negozji, il-ħaddiema u l-konsumaturi, mingħajr ma l-ewwel ħejja lill-ekonomija għal dawn il-bidliet.
Huwa ddeskriva l-miżuri bħala “knee-jerk reaction” u “supply-side shock”, filwaqt li allega li l-Ministru tal-Finanzi ħejjihom waħdu u mingħajr konsultazzjoni adegwata.
Borg sostna li l-Gvern għamel snin iħaddem mudell ekonomiku li jiddependi fuq iż-żieda fil-popolazzjoni u l-ħaddiema barranin, iżda issa qed jipprova jindirizza l-konsegwenzi ta’ dan il-mudell permezz ta’ miżuri li, skontu, tħabbru mingħajr pjan fit-tul.
Huwa fakkar kif Caruana kien tkellem dwar il-ħtieġa li Malta tattira għexieren ta’ eluf ta’ ħaddiema barranin biex issostni l-ekonomija tagħha, filwaqt li issa l-istess Gvern qed jipprova jrażżan din id-dipendenza.
Skont Borg, wara snin jinkoraġġixxi lin-negozji jkabbru l-ħidma tagħhom permezz ta’ aktar ħaddiema, il-Gvern issa qed jitlobhom ibiddlu l-mod kif joperaw mil-lum għal għada.
Jistaqsi jekk il-ministri kinux jafu bil-miżuri qabel ma tħabbru
Matul id-diskors tiegħu, Borg indirizza direttament diversi ministri u staqsa jekk kinux ġew ikkonsultati minn Caruana qabel it-tħabbira tal-miżuri.
Fosthom semma lill-ministri responsabbli mill-impjiegi, is-saħħa, it-turiżmu, l-ugwaljanza, id-djalogu soċjali, it-trasport u l-affarijiet barranin.
Huwa staqsa jekk il-Ministru tas-Saħħa kienx ġie mwissi dwar l-effetti li l-miżuri jistgħu jħallu fuq is-servizzi tal-kura, fid-dawl tad-dipendenza tagħhom fuq ħaddiema barranin.
Borg irrefera għal tħassib espress minn organizzazzjonijiet fis-setturi tas-saħħa, it-turiżmu u n-negozju, filwaqt li sostna li anke l-General Workers’ Union kienet ikkritikat l-approċċ tal-Ministru tal-Finanzi.
Huwa kkwota stħarriġ tal-EY li, skontu, juri li 63% tal-investituri barranin jidentifikaw in-nuqqas ta’ ħiliet bħala wieħed mill-akbar riskji għall-ekonomija Maltija, filwaqt li 69% jgħidu li ma jsibux il-ħiliet speċjalizzati li jeħtieġu fis-suq lokali.
Semma wkoll ċifri tal-MUMN li jindikaw li 85% tal-infermiera f’Karin Grech huma barranin, filwaqt li l-proporzjon fost il-carers jilħaq it-98%.
Borg wissa li jekk in-negozji jitilfu ħaddiema mħarrġa, ikollhom jerġgħu jinvestu ħin u flus fir-reklutaġġ u t-taħriġ ta’ oħrajn, b’riskju li jiżdiedu l-ispejjeż u, eventwalment, il-prezzijiet għall-konsumaturi.
Jipproponi ħlasijiet ogħla meta TCNs jibdlu l-impjegatur
Minkejja l-kritika tiegħu lejn il-miżuri tal-Gvern, Borg ippropona li l-ħlasijiet ogħla għall-permessi tax-xogħol ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi japplikaw għal applikazzjonijiet ġodda jew meta ħaddiem ibiddel l-impjegatur tiegħu.
Min-naħa l-oħra, sostna li dawn il-ħlasijiet ogħla m’għandhomx japplikaw meta ħaddiem iġedded il-permess biex ikompli jaħdem mal-istess negozju.
Skont Borg, negozju li jkun investa fit-taħriġ ta’ ħaddiem m’għandux jiġi penalizzat kull darba li jġedded il-permess tiegħu.
Madankollu, din il-proposta tqajjem mistoqsijiet dwar l-impatt potenzjali tagħha fuq il-mobbiltà tal-ħaddiema barranin fis-suq tax-xogħol.
Dan hekk kif, fl-istess diskors, Borg insista li ħaddiem mhuwiex proprjetà ta’ min iħaddmu u għandu jibqa’ liberu jfittex paga u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar.
Għaldaqstant, filwaqt li Borg jinsisti fuq il-libertà tal-ħaddiema li jbiddlu l-impjieg, il-proposta tiegħu tista’ toħloq diżinċentiv finanzjarju għal tali bidla, skont min ikollu jħallas it-tariffa addizzjonali u kif din tiġi implimentata.
Borg ma daħalx fid-dettall dwar kif din id-differenza fil-ħlasijiet tkun applikata mingħajr ma xxekkel il-possibbiltà li l-ħaddiema jfittxu opportunitajiet aħjar.
Għotjiet għat-teknoloġija u awtorità għar-reklutaġġ tal-ħaddiema barranin
Bħala alternattiva għall-approċċ tal-Gvern, Borg ippropona sistema li torbot ir-reklutaġġ ta’ ħaddiema barranin mal-ħiliet li verament għandha bżonn l-ekonomija Maltija.
Huwa ppropona t-twaqqif ta’ awtorità li tindirizza n-nuqqas ta’ ħiliet fis-suq tax-xogħol u tirregola r-reklutaġġ minn barra skont il-ħtiġijiet tal-pajjiż.
Il-PN qed jipproponi wkoll għotjiet lin-negozji biex jinvestu fit-taħriġ, fl-awtomazzjoni, fid-diġitalizzazzjoni, fir-robotika u fl-intelliġenza artifiċjali.
Borg qal li għandhom jitfasslu skemi biex professjonisti Maltin li jgħixu barra jiġu mħeġġa jirritornaw jaħdmu f’Malta.
Ippropona wkoll regolamentazzjoni tal-intermedjarji fir-reklutaġġ, bil-għan li tingħata prijorità lill-impjieg dirett u lill-ħiliet meħtieġa, aktar milli li jiżdied kontinwament l-għadd tal-ħaddiema importati.
Skont Borg, dawn il-miżuri għandhom iwasslu għal ekonomija li tikber permezz tal-produttività u mhux sempliċement permezz ta’ aktar ħaddiema u popolazzjoni akbar.
Gvern Nazzjonalista jżomm il-bonus annwali ta’ €1,000
Dwar il-benefiċċji soċjali, Borg ikkonferma li Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista jżomm il-bonus annwali ta’ €1,000 imħabbar mill-Gvern.
Huwa laqa’ wkoll it-tnaqqis fit-taxxa għall-ġenituri u ż-żidiet fil-pensjonijiet, iżda sostna li dawn il-miżuri waħedhom ma jindirizzawx il-problemi strutturali tal-għoli tal-ħajja.
Borg ikkritika lill-Gvern dwar iż-żieda fil-pensjonijiet, filwaqt li argumenta li meta titnaqqas il-COLA, iż-żieda addizzjonali li jibbenefikaw minnha l-pensjonanti tkun ta’ €3.59 fil-ġimgħa.
Huwa akkuża lill-Gvern li mhux qed jagħmel biżżejjed biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja, minkejja t-tkabbir ekonomiku li qed jirreġistra l-pajjiż.
Mira għat-tkabbir tal-paga medjana mill-ewwel baġit
Borg wiegħed li mill-ewwel baġit ta’ Gvern Nazzjonalista tiġi stabbilita mira għat-tkabbir tal-paga medja, imqabbla mal-livelli Ewropej.
Huwa sostna li l-Gvern jiffoka wisq fuq il-paga medja, li tista’ tiżdied anke jekk il-maġġoranza tal-ħaddiema ma jarawx titjib sostanzjali fid-dħul tagħhom.
Minflok, Borg qal li għandu jingħata aktar kas tal-paga tal-ħaddiem li jinsab f’nofs l-iskala tad-dħul.
Saħaq ukoll li l-kejl tal-pagi għandu jqis il-poter tal-akkwist, jiġifieri kemm il-ħaddiema jistgħu effettivament jixtru bil-flus li jaqilgħu.
Madankollu, fid-diskors tiegħu ma speċifikax b’kemm il-PN ikun irid iżid il-paga medjana jew sa meta għandha tintlaħaq din il-mira.
Il-Gvern għandu jħallas lill-kuntratturi fil-ħin
Borg ippropona wkoll li l-Gvern jirrispetta r-regoli Ewropej dwar il-ħlasijiet tardivi u jassigura li l-kuntratturi u l-fornituri jitħallsu fil-ħin għax-xogħol li jkunu wettqu.
Huwa kkritika sitwazzjonijiet fejn negozji jkollhom jistennew xhur, u f’xi każijiet snin, biex jirċievu l-ħlas dovut lilhom mill-Istat.
Skont Borg, dewmien bħal dan joħloq problemi fil-likwidità tan-negozji u jnaqqsilhom il-kapaċità li jinvestu, iħallsu lill-ħaddiema u jkomplu jkabbru l-operat tagħhom.
Arja kkundizzjonata fil-klassijiet u pannelli solari fuq l-iskejjel
Fil-qasam tal-edukazzjoni, Borg tenna l-proposta tal-PN biex jiġu installati sistemi tal-arja kkundizzjonata fil-klassijiet, flimkien ma’ pannelli solari fuq il-bjut tal-iskejjel.
Huwa qal li ħafna studenti għadhom iqattgħu xhur jitgħallmu f’temperaturi għoljin, partikolarment matul Mejju u Ġunju, meta jsiru wkoll diversi eżamijiet.
Borg staqsa wkoll jekk hux minnu li f’xi skejjel fejn diġà ġew installati sistemi tal-arja kkundizzjonata, dawn ma jistgħux jintużaw minħabba limitazzjonijiet fil-provvista tal-elettriku.
Lil hinn mill-infrastruttura, huwa talab aktar appoġġ għall-istudenti li jeħtieġu servizzi speċjalizzati, indirizzar tan-nuqqas ta’ LSEs u għalliema, u evalwazzjoni tal-miżuri edukattivi li diġà ġew introdotti.
Huwa appella wkoll għal aktar għajnuna lill-edukaturi li jaħdmu fi klassijiet multikulturali, inkluż appoġġ għal studenti li jidħlu fis-sistema edukattiva mingħajr ħiliet bażiċi fil-Malti jew fl-Ingliż.
Ftehim nazzjonali dwar sistema ta’ trasport
Dwar it-traffiku, Borg tenna s-sejħa tiegħu għal ftehim nazzjonali dwar sistema ta’ trasport fattibbli għal Malta.
Huwa sostna li soluzzjoni serja teħtieġ investiment fuq diversi snin u kontinwità bejn amministrazzjoni u oħra, sabiex proġetti infrastrutturali ma jitwaqqfux kull darba li jinbidel il-Gvern.
Borg ikkritika l-fatt li l-proġett Malta in Motion ma ssemmiex fid-diskors tal-Baġit, minkejja li l-Gvern kien diġà ppreżenta proposti dwar it-trasport.
Huwa semma stimi min-National Transport Plan li, skontu, jindikaw li t-traffiku sewa lil Malta €770 miljun fl-2025, bi spiża li tista’ tilħaq €900 miljun fis-sena sal-2030.
Madankollu, Borg ma ħabbarx sistema speċifika tat-trasport li Gvern Nazzjonalista jkun se jimplimenta, u ffoka fuq il-ħtieġa ta’ qbil nazzjonali dwar soluzzjoni fit-tul.
Kumpens awtomatiku għall-qtugħ tad-dawl
Fil-qasam tal-enerġija, Borg ippropona li l-konsumaturi jirċievu l-kumpens dovut għall-qtugħ tad-dawl mingħajr ma jkollhom għalfejn jagħmlu applikazzjonijiet jew jippreżentaw provi mhux meħtieġa.
Huwa sostna li, bis-sistema tal-ismart meters, diġà jeżisti tagħrif dwar il-provvista tal-elettriku li jista’ jintuża biex jiġi determinat jekk konsumatur huwiex intitolat għal kumpens.
Borg talab ukoll eżami indipendenti u pubbliku tal-qtugħ tad-dawl biex jiġi stabbilit x’kien inevitabbli, x’kien riżultat ta’ nuqqas ta’ tħejjija u x’għandu jinbidel.
Huwa appella għal pjan nazzjonali ta’ reżiljenza klimatika, flimkien ma’ programm ta’ tisħiħ tan-network tal-elettriku qabel is-sajf li ġej, b’dati ċari għat-tlestija tax-xogħlijiet.
Talab ukoll arranġamenti speċifiċi għall-persuni li jiddependu fuq tagħmir mediku li jaħdem bl-elettriku u tagħrif affidabbli għall-konsumaturi waqt qtugħ fil-provvista.
Borg sostna li hemm bżonn aktar investiment fl-enerġija nadifa, fil-pannelli solari u fil-batteriji, filwaqt li kkritika d-dewmien fl-ipproċessar ta’ skemi relatati mal-enerġija rinnovabbli.
Kritika għat-tnaqqis fil-fondi ta’ Project Green
Borg akkuża lill-Gvern li naqqas il-prijorità mogħtija lill-ambjent, filwaqt li sostna li l-allokazzjoni għal Project Green niżlet minn €30 miljun fl-2026 għal €20 miljun fl-2027.
Huwa fakkar fil-wegħda tal-Gvern li jinvesti €700 miljun fuq seba’ snin fi proġetti ambjentali, fosthom ġonna, spazji miftuħa u proġetti ta’ tħaddir urban.
Skont iċ-ċifri ppreżentati minn Borg, f’ħames snin ġew allokati inqas minn €150 miljun, u għalhekk il-Gvern għadu 'l bogħod mill-impenn oriġinali tiegħu.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni akkuża lill-Gvern li qed jonqos milli jagħti prijorità lill-kwalità tal-ħajja u lill-ħarsien tal-karattru tal-lokalitajiet.
Huwa appella wkoll għal sistema ta’ ppjanar li tipproteġi l-karattru tal-irħula u tippromwovi żvilupp ta’ kwalità.
Rifużjoni ta’ 50% tal-imgħax fuq is-self għall-ewwel dar
Borg reġa’ ressaq proposta tal-PN biex persuni li jixtru l-ewwel residenza tagħhom jingħataw lura 50% tal-imgħax imħallas fuq is-self bankarju.
Il-miżura proposta tkopri l-ewwel għaxar snin tas-self, bir-rifużjoni titħallas kull xahar direttament fil-kont bankarju tax-xerrej.
Borg qal li ż-żieda fil-prezzijiet tal-proprjetà qed tagħmilha dejjem aktar diffiċli għaż-żgħażagħ u għall-koppji li jixtru l-ewwel dar tagħhom.
Huwa rrefera għal stħarriġ tal-KPMG li, skontu, jindika li l-prezz medju ta’ appartament f’Malta jaqbeż l-€400,000.
Borg ħeġġeġ lill-Gvern jadotta l-proposta tal-PN, filwaqt li sostna li l-għan għandu jkun li aktar familji jkunu jistgħu jsiru sidien ta’ darhom.
Kontribuzzjoni turistika bejn Mejju u Ottubru biss
Fil-qasam tat-turiżmu, Borg ippropona li l-kontribuzzjoni turistika tapplika biss matul l-istaġun ewlieni, bejn Mejju u Ottubru.
Huwa sostna li l-impożizzjoni tagħha matul ix-xhur ta’ attività aktar baxxa tista’ tkompli żżid il-piż fuq negozji fis-settur u taffettwa l-kompetittività ta’ Malta bħala destinazzjoni turistika.
Borg qal li l-PN mhuwiex kontra li t-turiżmu jagħti kontribuzzjoni għall-infrastruttura u l-ambjent, iżda saħaq li l-flus miġbura għandhom jerġgħu jiġu investiti fis-settur.
Huwa talab ukoll trasparenza dwar kemm jinġabar minn din il-kontribuzzjoni, kif jintefqu l-flus u x’titjib konkret jirriżulta minnhom għar-residenti u l-viżitaturi.
Borg esprima tħassib partikolari dwar l-impatt fuq Għawdex, fejn sostna li l-akkomodazzjoni self-catering għandha rwol importanti fl-industrija turistika.
Huwa osserva li l-Maltin li jmorru Għawdex għal tmiem il-ġimgħa jistgħu jkunu soġġetti wkoll għal din il-kontribuzzjoni, u staqsa jekk saritx konsultazzjoni adegwata mal-operaturi Għawdxin.
Jitlob aktar kontabbiltà dwar il-finanzi pubbliċi
Lejn tmiem id-diskors tiegħu, Borg ikkritika l-mod kif il-Gvern qed jamministra l-finanzi pubbliċi, filwaqt li qal li parti kbira mill-baġit tintuża għal nefqa rikorrenti aktar milli għal investiment kapitali.
Huwa sostna li madwar 15% biss tal-Baġit tal-2027 huwa allokat għal nefqa kapitali, filwaqt li l-bqija huwa marbut ma’ nefqa rikorrenti.
Borg qal li d-dejn tal-Gvern laħaq €12-il biljun sa Awwissu 2026, u wissa li jista’ jiżdied għal €13-il biljun sal-aħħar tal-2027.
Huwa talab aktar trasparenza dwar il-kontijiet tal-Enemalta u tal-KM Malta Airlines, kif ukoll dwar id-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-membri tal-Gvern.
Borg ikkritika wkoll dak li ddeskriva bħala dewmien u wegħdiet mhux imwettqa fil-qasam tas-saħħa, fosthom proġetti relatati ma’ Mater Dei, Monte Carmeli, San Luqa, Karin Grech u l-isptar il-ġdid ta’ Għawdex.
Huwa sostna li l-Gvern għandu jagħti dati ċari dwar meta dawn il-proġetti se jitlestew u meta l-pazjenti se jkunu jistgħu jibbenefikaw minnhom.
Fil-konklużjoni tiegħu, Borg qal li Malta għandha bżonn mudell ekonomiku li joħloq aktar valur permezz tal-ħiliet, il-produttività u t-teknoloġija, aktar milli permezz ta’ żieda kontinwa fil-popolazzjoni.
Huwa sostna li l-bidla ekonomika għandha ssir permezz ta’ konsultazzjoni bejn il-Gvern, il-ħaddiema u min iħaddem, u mhux billi dawn jitqiegħdu kontra xulxin.
