ARA | “Il-kwalità tat-turiżmu ma tinkisibx billi timponi aktar taxxi” – Tony Zahra

Il-President tal-MHRA jikkritika ż-żieda qawwija fl-Eco Contribution u jisħaq li s-settur turistiku qed jerfa’ piż sproporzjonat mill-miżuri tal-Baġit. Jappella wkoll għal pajjiż aktar nadif, servizzi aħjar u azzjoni kontra turisti li ma jirrispettawx lill-popolazzjoni lokali.

 

Il-kwalità tat-turiżmu f’Malta ma tistax titjieb sempliċement billi jiżdiedu t-taxxi fuq il-viżitaturi, iżda billi l-pajjiż jinżamm aktar nadif, joffri servizzi aħjar u joħloq ambjent li jattira turisti ta’ kwalità ogħla.

Dan sostnieh il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA), Tony Zahra, f’intervista li matulha esprima tħassib dwar il-piżijiet finanzjarji li l-miżuri mħabbra fil-Baġit se jpoġġu fuq l-industrija tat-turiżmu.

Zahra kkritika b’mod partikolari ż-żieda fl-Eco Contribution, li mistennija titla’ minn €1.50 għal €8 kuljum għal dawk li joqogħdu fil-lukandi u għal €10 għal dawk li jagħżlu akkomodazzjoni għal żmien qasir.

Huwa ddeskriva din il-qabża bħala waħda enormi u sostna li l-kontribuzzjoni se tkun fost l-ogħla fl-Ewropa.

“Aħna m’aħniex ngħidu li rridu nkunu speċjali u ma jkunx hemm kontribuzzjoni. Imma jekk se tagħmel qabża, agħmilha b’mod gradwali, mhux kollox f’daqqa,” qal Zahra.

Spjega li l-kontribuzzjoni kienet inizjalment ta’ 50 ċenteżmu, qabel żdiedet għal €1.50, żieda ta’ 200%. Issa, bil-miżuri l-ġodda, se terġa’ tiżdied b’mod sostanzjali.

Skont Zahra, problema oħra hija li ż-żidiet se jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar, minkejja li l-istaġun turistiku jibda f’April.

Huwa sostna li bidliet bħal dawn għandhom jiġu introdotti fil-bidu tal-istaġun turistiku u mhux meta l-operaturi jkunu diġà daħlu fi ftehimiet u aċċettaw prenotazzjonijiet għall-perjodu li jkun ġej.

“Meta ddaħħal kontribuzzjonijiet bħal dawn b’avviż daqshekk qasir, tkun qed toħloq ħafna problemi għall-operaturi, speċjalment fejn jidħlu dawk li diġà bbukkjaw,” qal Zahra.

“It-turiżmu qed jerfa’ l-piżijiet tal-Baġit”

Lil hinn mill-Eco Contribution, Zahra esprima wkoll tħassib dwar iż-żidiet fl-ispejjeż marbuta mal-impjieg ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi.

Huwa semma ż-żidiet sostanzjali fit-tariffi tal-applikazzjonijiet tax-xogħol għal dawn il-ħaddiema, flimkien mat-tneħħija tal-benefiċċju tat-trasport pubbliku b’xejn.

Skont Zahra, parti mill-industrija turistika x’aktarx se jkollha tassorbi dawn l-ispejjeż biex tnaqqas il-piż fuq il-ħaddiema tagħha.

“Meta nħares lejn industriji oħra, ma nara l-ebda miżura simili li ttieħdet fuqhom. Għalhekk wieħed jasal għall-konklużjoni li t-turiżmu huwa s-settur li qed jerfa’ l-piżijiet tal-Baġit,” sostna.

Minkejja l-kritika tiegħu, Zahra ma jemminx li ż-żidiet fit-taxxi turistiċi se jwasslu għal tnaqqis drastiku fl-għadd ta’ viżitaturi li jagħżlu Malta.

Huwa qal li l-ammonti, għalkemm sinifikanti għall-operaturi u għall-viżitaturi, mhumiex daqshekk għoljin li waħedhom jistgħu jbiddlu b’mod radikali s-sitwazzjoni turistika.

Zahra rrefera wkoll għall-ispjegazzjoni li ngħatat mill-Gvern, li kellu tliet għażliet quddiemu: li jgħolli l-prezz tal-enerġija, iżid il-VAT jew jgħolli l-kontribuzzjoni fuq it-turisti.

Huwa rrimarka li t-turisti li jiġu Malta diġà qed jibbenefikaw minn prezzijiet tal-enerġija baxxi u minn rata tal-VAT li hija aktar baxxa minn dik ta’ pajjiżi oħra.

Jistenna impatt ukoll fuq il-Maltin li jqattgħu btala f’pajjiżhom

Dwar it-turiżmu intern, Zahra wissa li ż-żieda fil-kontribuzzjoni tista’ taffettwa wkoll lill-Maltin li jagħżlu li jqattgħu btala f’lukanda jew f’akkomodazzjoni turistika f’Malta stess.

Huwa sostna li kienet tkun soluzzjoni aħjar kieku nstabet sistema li permezz tagħha l-Maltin ikunu eżentati milli jħallsu din il-kontribuzzjoni.

“Naħseb li se jkun hemm effett. Issa l-kwistjoni hija jekk dan hux se jkun sostanzjali jew żgħir, imma xi effett se jkun hemm,” qal.

Min-naħa l-oħra, Zahra esprima ruħu favur il-prinċipju li t-turisti li jinżlu Malta minn vapuri tal-kruċieri għandhom ukoll jagħtu kontribuzzjoni.

Huwa spjega li, għalkemm dawn il-viżitaturi jonfqu medja ta’ madwar €60 waqt iż-żjara tagħhom, xorta jagħmlu użu mill-infrastruttura, mit-trasport u mill-ispazji pubbliċi tal-pajjiż.

“Dawn huma l-istess bħal turisti oħra u għandhom iħallsu kontribuzzjoni bħalma jħallas turist ieħor,” sostna.

Skontu, ma jkunx ġust li turist li jasal Malta fuq vapur tal-kruċieri jkun eżentat minn kontribuzzjoni li turist li joqgħod f’lukanda jkun obbligat iħallas.

“Triq ir-Repubblika qed tidher qisha suq f’Katanja jew Sirakuża”

Meta mistoqsi jekk iż-żidiet fit-taxxi jistgħux jgħinu lil Malta timxi lejn turiżmu ta’ kwalità ogħla, Zahra kien ċar li l-kwalità ma tinkisibx permezz ta’ piżijiet finanzjarji addizzjonali fuq il-viżitaturi.

Huwa saħaq li Malta għandha tiffoka fuq l-indafa, il-kwalità tas-servizzi u l-esperjenza ġenerali li toffri lit-turisti.

“Il-kwalità ma tinkisibx billi tagħmel taxxa fuq il-klijent. Il-kwalità tinkiseb billi żżomm il-pajjiż ħafna aktar nadif milli hu u billi toffri servizzi ta’ kwalità aħjar minn dawk li qed noffru llum,” qal.

Bħala eżempju, Zahra semma s-sitwazzjoni fi Triq ir-Repubblika fil-Belt Valletta, li ddeskrivieha bħala waħda li ma tirriflettix il-livell ta’ kwalità li Malta għandha taspira għalih.

Huwa qal li min jimxi minn din it-triq jista’ jieħu l-impressjoni li jinsab f’xi suq f’Katanja jew f’Sirakuża, aktar milli fit-triq ewlenija tal-kapitali Maltija.

Għalih, it-titjib fil-prodott turistiku għandu jibda minn dawn l-aspetti, aktar milli minn żidiet fit-taxxi.

Proposta għal kampanja kontra mġiba mhux xierqa mit-turisti

Matul l-intervista, Zahra tkellem ukoll dwar it-28 proposta li l-MHRA ressqet lill-Prim Ministru waqt laqgħa li saret fis-17 ta’ Settembru.

Huwa spjega li dawn il-proposti ma kinux marbuta direttament mal-Baġit, iżda kienu mmirati biex jgħollu l-livell tal-kwalità tas-settur turistiku f’Malta.

Fost il-prijoritajiet tal-assoċjazzjoni hemm kampanja bl-isem Enjoy and Respect, li għandha twassal messaġġ ċar lit-turisti dwar l-importanza li jirrispettaw lill-popolazzjoni lokali u lill-pajjiż.

Zahra qal li matul din is-sena kien hemm diversi inċidenti li involvew imġiba mhux xierqa minn xi turisti, u għalhekk jemmen li hemm bżonn inizjattiva li tgħaqqad il-promozzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni turistika mal-ħtieġa ta’ rispett lejn il-komunitajiet lokali.

“Ejja Malta, ħu gost u gawdi ż-żjara tiegħek, iżda ara li tirrispetta lill-popolazzjoni u lill-pajjiż. Għax inkella jridu jittieħdu passi kontrik,” qal Zahra.

Mistoqsi kemm mill-proposti li ressqet l-MHRA ġew milqugħa mill-Gvern, Zahra qal li jemmen li setgħu ġew aċċettati kollha, ladarba l-maġġoranza tagħhom ma jinvolvux nefqa finanzjarja sostanzjali.

Huwa spjega li ħafna minn dawn il-miżuri huma ta’ natura amministrattiva u jinvolvu titjib fil-mod kif jiġu ġestiti ċerti aspetti tas-settur.

Meta mitlub jagħżel proposta waħda li jixtieq jara tingħata aktar prijorità, Zahra reġa’ semma l-kampanja Enjoy and Respect.

“L-aktar ħaġa importanti għalija hija li naraw li dawk in-nies li jiġu Malta jirrispettaw lill-poplu Malti. U jekk ma jirrispettawhx, irridu naraw li tittieħed azzjoni kontrihom,” temm jgħid.

More in Budget 2027