Nhar il-Ħamis, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) kellu dibattitu ta’ emerġenza dwar l-attakk fuq skola primarja fl-Iran fil-bidu tal-gwerra fil-Lvant Nofsani. L-awtoritajiet Iranjani jgħidu li 168 persuna nqatlu, l-aktar tfal.
Il-kap tad-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti Volker Türk qal li dan qanqal "orrur viżċerali," u sejjaħ ukoll l-attakki bejn l-Istati Uniti u l-Iżrael fuq infrastruttura ċivili "traskurati lil hinn mill-komprensjoni."
Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Iranjan Abbas Aragchi irrefera għall-attkk bħala "delitt tal-gwerra," u ddeskriva l-kunflitt bħala "gwerra illegali imposta minn żewġ reġimi armati nukleari intimidanti" meta deher fin-Nazzjonijiet Uniti.
Il-militar ta’ Iżrael qabel qal li ma kienx konxju ta’ xi operazzjonijiet fiż-żona. L-Istati Uniti ma aċċettatx ir-responsabbiltà għall-attakk, iżda qabel qalet li qiegħda tinvestiga l-attakk.
Issa li għaddew erba' ġimgħat mill-bidu tal-kunflitt, il-gwerra Iżraeljana-Amerikana fuq l-Iran ġabet l-għadd totali ta’ mwiet għal aktar minn 3,000 flimkien ma’ madwar 33,000 midruba hekk kif l-ispiża umana tal-kunflitt tkompli tiżdied.
L-UNICEF wissiet dwar l-impatt li l-invażjoni minn Iżrael fil-Libanu, fl-offensiva tagħhom kontra Ħeżbollaħ, qiegħda tħalli fuq it-tfal, b'aktar minn 370,000 tifel u tifla jiġu mġiegħla jitilqu minn djarhom.
Ir-rappreżentant tal-organizzazzjoni fil-Libanu, Marcoluigi Corsi, qal li l-attakki intensifikati ta' Iżrael fuq il-pajjiż dan ix-xahar qatlu mill-inqas 121 tifel u tifla u ferew 399 oħra.
Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump ħabbar li se joqgħod lura mill-attakki ppjanati fuq l-infrastruttura tal-enerġija tal-Iran b'10 ijiem oħra sas-6 ta' April, u qal li t-taħditiet ta' paċi sejrin "tajjeb ħafna," hekk kif uffiċjali Iranjani jiddeskrivu proposta tal-Istati Uniti bħala waħda li hija ''disproporzjonata u inġusta.''
Is-sitwazzjoni tibqa' waħda inċerta, biż-żewġ naħat jikkontradixxu lil xulxin u l-attakki jkomplu madwar il-Lvant Nofsani. Il-Pakistan qal li qiegħed iwassal messaġġi bejn Washington u l-Iran fi sforz ta' diplomazija biex tintemm il-gwerra, u qiegħed jimbotta għal taħditiet possibbli personalment mill-aktar fis possibbli.
L-Istrett ta' Ħormuż qiegħed jinżamm magħluq, hekk kif il-Korp tal-Gwardja Rivoluzzjonarja Iżlamika (IRGC) tal-Iran sostna li rritornaw tliet bastimenti li kienu qegħdin jippruvaw jgħaddu minnha.
Fi stqarrija mill-IRGC, intqal li "Il-passaġġ ta' kwalunkwe bastiment lejn u minn portijiet li jappartjenu lil alleati u partitarji tal-Istati Uniti u Iżrael, għal kwalunkwe destinazzjoni u permezz ta' kwalunkwe kuritur, huwa pprojbit."
L-Iran aċċetta talbiet għal bastimenti sabiex jiċċaqalqu mill-istrett minn pajjiżi bħaċ-Ċina, ir-Russja, il-Pakistan, l-Iraq, u l-Indja, skont il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Iranjan Abbas Aragchi.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, Trump sostna li l-Iran ippermetta "10 dgħajjes taż-żejt" jgħaddu mill-Istrett ta' Ħormuż bħala ''rigal''.
"Naħseb li kellhom raġun, u kienu reali, u naħseb li kellhom bandiera Pakistana... spiċċaw 10 dgħajjes," qal Trump waqt laqgħa tal-kabinett fil-White House ilbieraħ.
Wara li l-BBC iċċekkjat id-dejta tat-traċċar tal-vapuri disponibbli pubblikament sabiex tara liema bastimenti qasmu l-Istrett fil-perjodu li semma Trump, identifikat ħames bastimenti li jġorru żejt mill-Istrett; iżda l-ebda wieħed minnhom ma kellu bandiera Pakistana. Ħames vapuri oħra għaddew mill-istrett, li l-ebda wieħed minnhom ma kien qed iġorr żejt.
Dan wara li Trump hedded li "jeqred" l-impjanti tal-enerġija Iranjani jekk l-Istrett ta' Ħormuż ma jerġax jinfetaħ fi żmien jumejn ta' wara, "billi jibda bl-akbar wieħed l-ewwel," qal fuq il-pjattaforma Truth Social.
Hekk kif d-data tal-iskadenza qrobot u l-Istrett ma nfetaħx, Trump sostna li membri tal-amministrazzjoni tiegħu kienu qiegħed jinnegozjaw mal-Iran, u qal li ż-żewġ naħat kellhom taħditiet "tajbin ħafna u produttivi" sabiex itemmu l-gwerra u li l-Iran ried "jagħmel ftehim tant".
Bi tweġiba, il-kelliem parlamentari tal-Iran Mohammad Bagher Ghalibaf, ċaħad l-istqarrijiet ta' Trump dwar in-negozjati, u sejħilhom "aħbarijiet foloz" li qegħdin "jintużaw biex jimmanipulaw is-swieq finanzjarji u taż-żejt".
L-Iran irrifjuta proposta ta' paċi ta' 15-il punt mill-Istati Uniti, u sejjaħ it-talbiet tagħha "eċċessivi" u stabbilixxa ħames kundizzjonijiet tiegħu stess li taħthom jaqbel li jtemm il-gwerra.
Trump insista li n-negozjati għaddejjin mal-Iran, u qal "jibżgħu jgħiduha għax jaħsbu li se jinqatlu minn nieshom stess". Huwa żied jgħid "Jibżgħu wkoll li se jinqatlu minna."