“Il-gwerra fl-Iran hija l-gwerra tal-Ewropa”, jgħid eks konsulent tas-sigurtà ta’ Trump

L-eks konsulent tas-sigurtà nazzjonali ta’ Trump ikkritika in-nuqqas ta' azzjoni mill-mexxejja Ewropej dwar il-gwerra fl-Iran bħala “żball” li jistieden lill-President tal-Istati Uniti sabiex iwaqqaf l-appoġġ għall-Ukrajna kontra l-invażjoni Russa.

Ritratt: Wikimedia Commons.
Ritratt: Wikimedia Commons.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-gwerra tal-Iran tista' tinfluwenza lill-President tal-Istati Uniti Donald Trump sabiex jabbaduna lill-alleati Ewropej fil-kunflitt tal-Ukrajna, qal l-eks konsulent tas-sigurtà nazzjonali tiegħu, John Bolton. Bolton qal dan filwaqt illi kkritika r-reazzjoni tal-Unjoni Ewropea għas-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani.

F'intervista ma' Euronews, Bolton, illi qabel serva wkoll bħala l-ambaxxatur tal-Istati Uniti għan-Nazzjonijiet Uniti, sejjaħ il-kunflitt tal-Iran bħala "l-gwerra tal-Ewropa."

"L-Ewropa tinsab f'riskju daqstant ieħor, jekk mhux aktar, minn attakki nukleari jekk l-Iran ikollu armi nukleari," qal Bolton. "L-Iran għandha l-kapaċità tal-missili biex tolqot l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant; mhux l-Istati Uniti."

Huwa wissa li l-mexxejja tal-Unjoni Ewropea jistgħu indirettament jkunu qed jagħtu "stedina" lil Trump sabiex jiddeċiedi li "l-Ukrajna mhix il-gwerra tal-Amerika," u ddeskriva n-nuqqas ta' rieda politika madwar il-blokk biex jieħu sehem fil-gwerra kontra l-Iran bħala "żball."

Il-kummenti tiegħu ġew hekk kif il-gwerra bejn l-Istati Uniti u l-Iżrael fl-Iran, li nfirxet f'pajjiżi oħra tal-Lvant Nofsani, qiegħda toqrob lejn ir-raba' ġimgħa tagħha. Il-mexxejja Ewropej qagħdu pass lura milli jingħaqdu fl-isforz tal-gwerra, fost kritika ripetuta minn Trump, li qal li kien "ixxukkjat" bin-nuqqas ta' azzjoni tagħhom u wissa li l-alleati tan-NATO qed jagħmlu "żball iblah" billi ma jgħinux lill-Istati Uniti.

Bolton, illi kien kritiku vokali kemm tal-politika barranija ta' Trump fit-tieni mandat tiegħu kif ukoll tat-theddida ppreżentata mill-Iran, qal illi l-għan aħħari tal-President tal-Istati Uniti rigward l-Iran huwa l-bidla fir-reġim.

"Trump se jiddikjara rebħa jiġri x'jiġri, u l-argument se jkun li l-programm tal-armi nukleari ġie mnaqqas aktar, li l-appoġġ għat-terroriżmu internazzjonali ġie mnaqqas aktar," qal Bolton. "Imma jekk ir-reġim jibqa' ħaj, ikun kemm ikun sarlu ħsara, se jerġa' jibni, u t-theddida nukleari u t-theddida tat-terroriżmu sempliċement jerġgħu lura."

Bolton tkellem mal-aġenzija tal-aħbraijiet barranija Euronews permezz ta’ video call fil-marġni ta’ summit kruċjali tal-Unjoni Ewropea fi Brussell, hekk kif il-mexxejja nġabru biex jiddiskutu l-gwerra fil-Lvant Nofsani, il-kriżi tal-enerġija imminenti, u l-veto tal-Ungerija fuq self ta’ €90 biljun għall-Ukrajna.

 

More in Barranin