Uffiċjali Kubani jgħidu li s-sistema tal-kura tas-saħħa tal-pajjiż qiegħda titressaq lejn xifer il-kollass mill-Istati Uniti li qiegħda timblokka l-esportazzjoni u l-provvista taż-żejt għall-pajjiż.
Is-sistema medika tal-pajjiż kienet diġà milquta minn kriżi perpetwa b'riżultat tat-tidgħjif tal-ekonomija tal-gżira. Dan b'riżultat tan-nuqqas ta’ provvisti, staff u mediċini li ilu n-norma minħabba l-insistenza tal-Istati Uniti sabiex tibqa' tippersisti bl-embargo tagħha fuq Kuba. Dan minkejja li riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti b'mod ripetut appellaw lill-Istati Uniti sabiex ittemm l-embargo.
Madankollu, is-sitwazzjoni laħqet estrem ġdid, bl-awtoritajiet issa jgħidu li l-ambulanzi qed jitħabtu sabiex isibu l-fjuwil meħtieġ sabiex ikunu jistgħu jirrispondu għall-emerġenzi. Qtugħ persistenti tad-dawl kompla jwassal għad-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni fl-isptarijiet.
Titjiriet li jġibu provvisti vitali, li l-pajjiż kien ilu jiddependi fuqhom minn meta ġie imponut l-imblokk, issa waqfu, peress li l-pajjiż m'għandux provvista taż-żejt biżżejjed sabiex ikun kapaċi jimla l-ajruplani għat-titjiriet tagħhom minn ajruporti Kubani.
Esperti u analisti jgħidu li l-imblokk tal-Istati Uniti qiegħed jimbotta lill-pajjiż fi kriżi umanitarja u ħeġġew lill-mexxejja sabiex jieħdu miżuri bl-għan illi jiżguraw li l-għajnuna umanitarja tibqa' tasal għand dawk fil-bżonn.
L-imblokk ilu imponut mill-Istati Uniti mis-snin sittin b'reazzjoni għat-trasformazzjoni ta' Kuba fi stat soċjalista mmexxi minn Fidel Castro, b'riżultat tas-suċċess tar-Rivoluzzjoni Kubana li fl-1959 irnexxielha tegħleb lir-reġim faxxista pro-Amerikan ta' Fulgencio Batista.
Is-sanzjonijiet qegħdin ''jheddu s-sigurtà bażika tal-bniedem'' - Il-Ministru tas-Saħħa Kuban
F’intervista ma’ The Associated Press, il-Ministru tas-Saħħa ta’ Kuba José Ángel Portal Miranda qal li s-sanzjonijiet tal-Istati Uniti mhumiex qegħdin biss ifixklu l-ekonomija tal-gżira, iżda issa qegħdin jheddu “s-sigurtà bażika tal-bniedem.”
“Ma tistax tagħmel ħsara lill-ekonomija ta’ stat mingħajr ma taffettwa lill-abitanti tiegħu,” qal Portal. “Din is-sitwazzjoni tista’ tpoġġi ħajjithom f’riskju.”
Skont Portal, 5 miljun ruħ f’Kuba li jgħixu b’mard kroniku se jaraw il-mediċini jew it-trattamenti tagħhom jiġu affettwati. Dan jinkludi 16,000 pazjent bil-kanċer li jeħtieġu radjuterapija u 12,400 oħra li qegħdin jagħmlu kimoterapija.
Huwa kompli jgħid li l-kura kardjovaskulari, l-ortopedija, l-onkoloġija u t-trattament għal pazjenti morda kritikament li jeħtieġu backup elettriku huma fost l-aktar oqsma milquta. It-trattamenti għall-mard tal-kliewi u s-servizzi tal-ambulanza ta’ emerġenza ġew miżjuda wkoll mal-lista tas-servizzi milquta.
Minkejja d-diffikultajiet b'riżultat tal-embargo Amerikan, il-gvern Kuban irnexxielu jiżviluppa waħda mill-aqwa servizzi tas-saħħa b'xejn fl-Amerika Latina. Huwa stmat illi Kuba weħidha tipprovdi iżjed tobba għall-pajjiżi fin-Nofsinhar Globali mill-pajjiżi kollha f'daqqa tal-G7.
Il-kriżi tal-enerġija li Kuba ilha titħabat magħha għal snin sħaħ daħlet f’estremi ġodda x-xahar li għadda wara li l-President tal-Istati Uniti Donald Trump iffirma ordni eżekuttiva li timponi tariffa fuq kwalunkwe pajjiż li jbigħ jew jipprovdi żejt lil Kuba.
Dan ġara ftit ġimgħat biss wara li Trump neħħa lill-President Venezwelan Nicolás Maduro f’intervent militari drammatiku, hekk kif huwa ħabbar li l-ebda żejt Venezwelan mhu se jibqa' jmur lejn Kuba.
Kuba, li tipproduċi biss 40% tal-fjuwil tagħha stess u li tiddependi ħafna fuq iż-żejt importat sabiex tħaddem oqsma importanti tal-gżira, ilha tiddependi fuq alleati bħall-Venezwela, il-Messiku u r-Russja sabiex tagħmel tajjebd-defiċit tal-enerġija tagħha. Iżda dawk il-konsenji issa qegħdin jispiċċaw fix-xejn.
Trump qal apertament li t-tama tiegħu hija li jimbotta lil Kuba fid-direzzjoni ta' bidla fir-reġim billi jintensifika l-pressjoni ekonomika fuq il-gżira, li diġà tħabtet sabiex tibqa' għaddejja minkejja għexieren ta' snin ta' sanzjonijiet imponuti mill-Istati Uniti.
Il-pressjoni ta' Washington fuq Ħavana bdiet wara li akkużat l-gvern Amerikan akkuża lill-gvern Kuban li huwa jipprovdi servizzi ta' sigurtà lil Maduro bi skambju għaż-żejt u l-flus. Minn dakinhar, l-Istati Uniti ħeġġet lill-gvern Kuban biex jiffirma ftehim sabiex itaffi t-tensjonijiet.
Kuba s'issa rrifjutat li tidħol fi ftehim mal-Istati Uniti, bil-President Miguel Díaz-Canel jgħid li se jinnegozja biss ma' Washington taħt l-istess livell ibbażat fuq ir-rispett u rrifjuta li jikkunsidra ftehim li jista' jdgħajjef is-sovranità ta' pajjiżu.