Ġlied sabiex il-Jemen jerġa' jinqasam f'żewġ Stati
More in Barranin
Grupp separatista fil-Jemen li huwa appoġġjat mill-Emirati Għarab Magħquda ħatfu l-provinċji ta’ Hadramout u Marah illi sa ftit ġranet ilu kienu taħt il-kontroll tal-gvern Jemenita.
Dan il-ħtif ifisser illi l-grupp separatista issa qiegħed jikkontrolla t-tmiem provinċji kollha li jifformaw in-Nofsinhar tal-Jemen. Is-separatisti ħadu wkoll kontroll tal-belt ta’ Aden; illi kienet qiegħda sservi bħala ċ-ċentru politiku proviżorju użat mil-gvern Jemenita li huwa rikonoxxut bħala l-gvern leġittimu tal-pajjiż.
Dan l-aħħar żvilupp fl-Ilvant Nofsani jaf iwassal sabiex jitwaqqaf mill ġdid stat indipendenti Jemenita fin-Nofsinhar tal-pajjiz. Qabel l-unifikazzjoni tal-Jemen fl-1990, il-Jemen kien maqsum f’żewġ pajjiżi sovrani bejn l-1967 u l-1990; il-Jemen ta’ Fuq illi kienet repubblika storikament Nasserista u l-Jemen ta’ Isfel illi kienet repubblika Marxista-Leninista.
L-unifikazzjoni tal-Jemen fissret illi l-governanza tal-pajjiż kienet iddominata minn gvern magħqud li tefa’ lill-Jeminiti fin-Nofsinhar tal-pajjiż fi żvantaġġ politiku u ekonomiku. It-tensjoni bejn iż-żewġ reġjuni Jemeniti wassal għal gwerra ċivili fl-1994 li kienet wasslet għal tentattiv sabiex jitwaqqaf mill-ġdid stat sovran fin-Nofsinhar tal-pajjiż.
L-iżviluppi attwali fil-Jemen jafu jwasslu sabiex dan it-tentattiv issa jsir realta’, billi l-gvern ċentrali tal-Jemen tilef il-kontroll fuq it-totalita’ tan-Nofsinhar tal-pajjiż u fuq il-maġġoranza tat-Tramuntana tal-pajjiz illi ilu maħtuf mill-grupp Houthi sa mill-2014. Il-gvern ċentrali huwa appoġġjat mill-Għarabja Sawdita filwaqt illi l-grupp Houthi huwa appoġġjat mill-Iran.