F'attakk li seħħ f'Colorado fl-Amerka, tmien persuni sfaw vittmi hekk kif persuna wettqet attakk suspettat terroristiku permezz ta' armi inċendjarji, jiġifieri armi li jużaw in-nar biex iweġġgħu.
Skont l-FBI, is-suspettat kien qed juża Molotov cocktails, tip ta' bomba tan-nar magħmula minn flixkun tal-ħġieġ, likwidu li jaqbad, u biċċa drapp; flamethrower magħmul ta' malajr, u armi oħrajn.
L-attakk seħħ waqt dimostrazzjoni organizzata minn Run for Their Lives, grupp favur l-Iżrael, li kienet qed issir bħala solidarjetà mal-ostaġġi f'Gaża. It-tmien persuni midrubin kellhom bejn it-52 u t-88 sena.
Skont filmati tal-attakk, is-suspettat kien b'żaqqu barra u beda jgħajjat "eħilsu lill-Palestina" waqt li beda javviċina d-dimostrazzjoni bil-bombi tan-nar f'idejh.
Id-direttur tal-uffiċċju tal-FBI f'Denver, Mark Michalek, qal li s-suspettat huwa wieħed Mohamed Sabry Soliman, Eġizzjan ta' 45 sena, li daħal fl-Amerka b'viża għal perjodu qasir fl-2022. Il-viża tiegħu skadiet fi Frar tal-2023.
Skont Michalek, iċ-ċirkostanzi qed iġiegħlu lill-FBI jikkunsidraw dal-każ bħala attakk terroristiku.