Il-President Donald Trump attakka lill-mexxej Ukren Volodymyr Zelensky nhar it-Tlieta u effettivament tefa' it-tort tal-invażjoni fuqu,
Trump esprima d-diżappunt tiegħu wara li Zelensky ilmenta illi l-Amerka u r-Russja qed jitħaddtu bejniethom mingħajr il-kontribut tal-Ukranja.
“Ninstab iddiżappuntat ħafna, smajt li mdejqin li ma kellhomx siġġu [fin-negozjati]. Illum smajt, ‘ma konniex mistednin.’ Ħeqq, ilek hemm tliet snin... Missek qatt ma bdejtha [l-gwerra]. Stajt tasal għal ftehim,” qal il-President Amerikan.
Barra minn hekk, Trump qed jagħmel pressjoni fuq Zelensky biex jorganizza elezzjoni ħalli l-poplu tal-Ukranja tkun tista’ ssemmi leħinha wkoll.
“Jixtiequ siġġu mal-mejda, imma tista’ tgħid... il-poplu Ukren ma jixtieqx isemma leħnu? Ilu ħafna ma jkollna elezzjoni. Din mhix xi ħaġa Russa, din ġejja minni, minn pajjiżi oħrajn,” qal Trump.
Iżda s-sejħa għal elezzjoni Ukrena hija waħda mit-talbiet tar-Russja, u b’hekk ħafna qed jikkritikaw lil Trump li qed jiġi influwenzat mill-propaganda Russa.
“Bir-rispett kollu lejn il-President Donald Trump bħala mexxej... qed jgħix f’dan l-ispazju ta’ diżinformazzjoni [tar-Russi],” wieġeb lura Zelensky.
“Donnu Trump bela’ għalkollox il-lixka propagandistika ta’ Putin,” kiteb Sean Savett, li kien kelliem għall-White House National Security Council taħt il-President Joe Biden.
Dawn il-kummenti qed iħassbu ħafna lill-mexxejja Ewropej u qed jinkwetaw li l-Amerka qed tħalliha lixxa lir-Russja. Minkejja dan kollu, Trump huwa kunfidenti li jista’ jwaqqaf il-gwerra u jinsisti li kemm hu u kemm Vladimir Putin jixtiequ l-paċi.
“Naħseb għandi s-setgħa li nwaqqafha dil-gwerra, u kollox sejjer sew ħafna,” qal il-mexxej il-ġdid tal-Amerka.