‘Wieħed jagħmel żball jekk jaħseb li Donald Trump huwa ħabib tal-Palestinjani’
Il-kwistjoni minn għajnejn attivist żagħżugħ Malti. Eman Farrugia jaqsam il-ħsibijiet tiegħu fuq il-ftehim imħabbar riċentement, u fuq xi jfisser dan il-ftehim

minn Ilenia Debono

Ma naħsibx li wieħed għandu jħares lejn il-waqfien tal-ġlied bħala t-tmiem tal-kunflitt, iżda għandu jiġi kkunsidrat bħala waqfien temporanju, attivist Malti qal lill-ILLUM.
Eman Farrugia sostna l-argument tiegħu billi qal li jrid ikun hemm rieda ġenwina sabiex jiġu indirizzati l-kaġuni tal-kunflitt, speċifikament it-trattament tal-poplu Palestinjan bħala inferjuri, imċa]ħda mid-drittijiet umani.
Farrugia huwa attivist żagħżugħ favur il-Palestina li ilu għaddej b’ħiltu kollha sabiex joffri l-appoġġ lill-poplu Palestinjan, kemm billi jorganizza lill-poplu Malti protesti simboliċi u ġbir ta’ donazzjonijiet, kif ukoll billi jħeġġeġ sforzi diplomatiċi Maltin.
Meta ġie mistoqsi jekk jaħsibx li ż-żewġ partijiet ħa jżommu mat-termini tal-ftehim, eżatti kif il-Ġimgħa filg]odu kien hemm attakki min-naħa Iżraeljana, hu qal li dan tal-aħħar hu komuni fi gwerrer f’dan ir-reġjun.
Farrugia qabbel dan kollu mal-gwerra fis-Saħara tal-Punent tal-1991, meta l-Marokk għamel attakk aħrax kontra l-poplu Saħrawi ftit jiem biss qabel li sar ftehim tal-waqfien mill-ġlied. Huwa spjega kif il-forzi Iżraeljani jistgħu jkunu qed jużaw l-istess tattiċi sabiex idgħajfu lill-avversarji tagħhom.
“Dan ma jistax isir sakemm l-okkupazzjoni tibqa’ għaddejja u sakemm ma ssirx pressjoni mill-komunità internazzjonali sabiex din tieqaf,” reġa rrimarka. Farrugia jemmen sabiex ikun hemm verament paċi f’dan ir-reġjun, il-politika internazzjonali trid tmur oltre minn dan il-ftehim, u tappoġġja l-kawża Palestinjana kontra l-kolonizzazzjoni tal-Palestina mill-Iżraeljani, tenna Farrugia.
Fejn ħafna jemmnu li dan il-ftehim sar grazzi għall-Amerikani, Farrugia jemmen li l-gwerra kienet ħtija tal-Amerikani u tal-Unjoni Ewropea. Huwa qal illi dawn il-partijiet politiċi internazzjonali kienu “minn tal-ewwel li ffinanzjaw il-kawża Iżraeljana, u li bagħtulhom armenti sabiex ikomplu l-atti ġenoċidjali tagħhom.”
“Wieħed jagħmel żball jekk jaħseb li Trump huwa ħabib tal-Palestinjani,” Farrugia żied jgħid, waqt li fakkar li l-amministrazzjoni ta’ Trump irrikonoxxiet lil Ġerusalemm bħala l-kapitali Iżraeljana, waqt li kienet taf bl-aspirazzjonijiet espansjonisti ta’ Netanyahu.
L-ewwel pass li għandu jittieħed, skont Farrugia, huwa l-assigurazzjoni tal-għajnuna umanitarju lill-poplu Palestinjan f’Gaża, sabiex dan jista’ jerġa’ jkollu l-ħtiġijiet bażiċi li għandu kull wieħed u waħda minna. Il-proċess ta’ sejba mill-ġdid tal-Palestina huwa wieħed li ħa jiġġebbed fuq medda ta’ snin. Pass ieħor importanti huwa l-paċi għall-poplu Palestinjan u l-vittmi tal-ġenoċidju. Il-Prim Ministru Iżraeljan, kif ukoll l-alleati tiegħu għandhom jittressqu quddiem il-Qorti Internazzjonali Kriminali. Dan għandu jservi ta’ messaġġ li l-ġenoċidju mhuwiex tollerabbli.
In-nuqqas ta’ ġustizzja jgħaddi messaġġ li l-liġi internazzjonali ma tapplikax għal kulħadd. a
Dak li seħħ bejn Iżrael u l-Palestina sa issa
Din il-ġimgħa, il-midja internazzjonali rrapportat li ġie propost ftehim bejn Iżrael u l-Ħamas sabiex jitwaqqaf l-isparar. Kulma jonqos hu li tapprovah il-kabinett tas-sigurtà Iżraeljana. Dan il-ftehim jinvolvi l-ħelsien t’ostaġġi miż-żewġ naħat, kif ukoll it-tnaqqis tal-preżenza Iżraeljana f’ċerti postijiet urbani fil-Palestina. Wara kważi 15-il xahar ta’ massakri, kif waslu s’hawnhekk iż-żewġ partijiet? Kemm kienet qawwija l-interferenza Amerikana f’dan il-ftehim?
Il-Kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina jmur lura għas-seklu 19, mal-mewġa taż-Żijoniżmu. Dan tal-aħħar huwa moviment li ried jistabbilixxi stat Lhudi, partikolarment billi tiġi kkolonizzata l-Palestina. Hemmhekk kien hemm popolazzjoni kbira Għarbija li oġġezzjonat dan kollu. Fl-1917, l-imperu Ingliż wiegħed is-sapport tiegħu fit-twaqqif ta’ stat Lhudi fil-Palestina. Dan kollu wassal għal ribelljoni Għarbija, fejn il-popolazzjoni Għarbija ġġieldet għall-indipendenza u r-rivokazzjoni għas-sapport Ingliż fil-kawża Żijonista. Madanakollu, l-Inġliżi waqfu kollox immedjatament. Pass ieħor li kkawża kunflitt esplussiv kien il-‘Partition Plan’, tal-Ġnus Magħquda fl-1947. Dan wassal għal gwerra Għarbija-Iżraeljana tal-1948. Meta ġie ffirmat it-trattat ta’ paċi s-sena ta’ wara, 750,000 Palestinjan kellhom jitilqu minn djarhom u Iżrael kellha l-kontroll tal-maġġoranza tat-territorju.
Is-seklu 20 kien mimli kunflitti bejn iż-żewġ forzi, u baqgħu għaddejjin sal-2023 fejn saret problema internazzjonali, b’ħafna jgħidu li ħadet il-forma ta’ ġenoċidju. Fis-7 t’Ottubru tal-2023, il-Ħamas bdew l-operazzjoni “Al-Aqsa deluge”, li inkludiet l-isparar ta’ missili fuq art Iżraeljana fejn tilfu ħajjithom ’il fuq minn elf ruħ u 7,500 oħra midruba. Iżrael irritaljat billi fetħet l-attakk mill-ajru fuq Gaża, bl-għan li teradika lill-Ħamas. Minn sena wara dan l-attakk, il-forzi Iżraeljani laħqu qatlu madwar 42,000 persuna.
L-Amerka kienet l-ikbar partitarja ta’ Iżrael tal-ġenoċidju Iżraeljan, kemm b’għajnuna militari u finanzjarja, kif ukoll għajnuna politika. L-Istati Uniti użat il-veto 42 darba kontra riżoluzzjonijiet li jikkundannaw lil Iżrael, meta l-veto intużat 83 darba fl-istorja. Fl-aħħar diskors tiegħu, il-President Amerikan Joe Biden ħabbar ftehim bejn Iżrael u l-Ħamas sabiex jieqaf l-isparar u jinħelsu ostaġġi. Il-President elett Donald Trump stqarr li l-ftehim sar bi sforz tiegħu. Trump pubblikament tkellem favur ftehim hekk waqt il-kampanja elettorali tiegħu, u kiseb ħafna sapport, kemm Amerikan kemm barrani, waqt l-elezzjonijiet presidenzjali tas-sena l-oħra bis-saħħa ta’ dawn l-istqarrijiet.

