Reazzjonijiet għal ħatra ta' Trump... Metsola, Abela u Grech fost dawk li jawgurawlu għar-rebħa

Jibdew jidħlu r-reazzjoniiet tal-mexxejja, b'dawk Maltin u Ewropej jingħaqdu mal-awgurju għal Donald Trump, bħala s-47 President tal-Amerika

Donald Trump jindirizza rally fid-Deżert Diamond Arena fi Glendale, Arizona (Ritratt: Gage Skidmore/Flickr)
Donald Trump jindirizza rally fid-Deżert Diamond Arena fi Glendale, Arizona (Ritratt: Gage Skidmore/Flickr)

Il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, kienet fost l-ewwel li rreaġixxiet għar-rebħa ta' Donald Trump. Fuq il-pjattaforma X, hija qalet li 'l-Ewropa lesta', filwaqt li awgurat lil Trump.

Prim Ministru Robert Abela esprima l-isbaħ xewqat tiegħu lil Donald Trump wara r-rebħa elettorali fl-Istati Uniti. Abela qal li jħares 'il quddiem biex jaħdem flimkien mal-Istati Uniti "biex inwasslu l-paċi, l-istabbiltà u l-prosperità li jistħoqqilha l-popolazzjoni tad-dinja kollha."

Filwaqt li ngħaqad ma’ dan is-sentiment, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin, Ian Borg, ukoll awgura lil Trump. F'post fuq Facebook nhar l-Erbgħa, Borg qal li Malta tħares 'il quddiem biex tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Uniti.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ukoll ta l-isbaħ xewqat lill-president Trump waqt li qal li jixtieq jara relazzjoni msaħħa bejn Malta u l-Istati Uniti.

Ir-rebħa kbira ta’ Trump kienet waħda storika għaliex ġiet akkumpanjata b’riżultati pożittivi għall-Partit Repubblikan li ser jassigura l-maġġoranza kemm fis-Senat kif ukoll fil-Kamra tar-Rappreżentanti.

“Din kienet rebħa li qatt ma rajna bħalha. Aħna ser nirringrazzjawkom. Ser inbiddlu kollox... dan il-jum se jibqa' mfakkar bħala l-jum fejn il-poplu Amerikan reġa’ ħa kontroll fuq pajjiżu,” qal Trump lill-partitarji tiegħu fi Florida.

Ir-rotta tar-rebħa għal Trump saret ċara malajr hekk kif ġie kkonfermat li rebaħ fi stati kritiċi bħall-Georgia u North Carolina, waqt li jmexxi f’ħames stati oħra.

L-istat deċiżiv kien Pennsylvania, li kienet essenzjali għar-rebħa ta’ Harris. Pennsylvania kienet intrebħet minn Biden fl-2020 iżda f’żoni urbani ewlenin fejn it-tessut elettorali Demokratiku huwa qawwi, Harris falliet milli ġġiib l-istess appoġġ bħall-President preċedenti.

More in Barranin