‘L-elezzjonijiet Amerikani iżjed milli fuq Malta, se jkollhom impatt fuq l-Unjoni Ewropea’
Illum bdejna nsegwu l-elezzjonijiet Amerikani, imma għaliex huma daqshekk importanti? Għaliex meta l-Amerikani jivvotaw, id-dinja tieqaf tosserva? L-ILLUM titkellem ma’ Brendan Zerafa dwar l-impatt li l-elezzjonijiet Amerikani se jħallu fuq l-Unjoni Ewropea, u fuq Malta b’mod indirett.
minn Marianna Calleja
L-elezzjonijiet Amerikani li jmiss għandhom impatt dirett mhux biss fuq l-Istati Uniti iżda wkoll fuq il-pajjiżi Ewropej, inkluż Malta. Mit-tibdil fil-klima għal sigurtà fid-dawl tal-kunflitti kurrenti, kollox jiddependi fuq liema kandidat jiġi elett fl-elezzjonijiet ta’ din il-ġimgħa.
Fuq naħa hemm Kamala Harris, li hi prattikament estensjoni ta’ Joe Biden. Forsi naqra iktar enerġetika, imma l-politika li temmen fiha hi msejsa fuq dik tradizzjonali demokratika. Fuq in-naħa l-oħra hemm Donald Trump, li bħal suffarell, qatt ma taf fejn se jispara. Il-politika tiegħu hi magħrufa bħala waħda estrema u ħafna drabi kkritikata bil-qawwa min-nies mhux Amerikani.
Biex issir taf aktar dwar l-impatt li dawn il-mexxejja jista’ jkollhom fuq l-Ewropa, l-ILLUM tkellmet ma’ Brendan Zerafa, avukat fl-isfera tal-liġi u l-affarijiet barranin.
Zerafa jiddeskrivi s-sigurtà, pereżempju, li tiddependi ħafna fuq l-Amerka, speċjalment fejn tidħol in-NATO.
Semma kif ftit jiem ilu, ħareġ fuq il-midja, il-pjan ta’ Trump fir-rigward tal-Ukrajna, fejn qed jipproponi li jkun hemm żoni mhux armati militarjament fuq żewġ naħat tal-fruntieri bejn l-Ukrajna u r-Russja. Dan filwaqt li l-Ewropa trid tara hi li tiggarantixxi l-paċi f’dan il-kuntest u mhux suldati tan-NATO jew Amerikani.
“L-ikbar effett, mingħajr ebda ħsieb, se jkun fuq l-Ewropa jekk jiġi elett Trump … Jekk madankollu tiġi eletta Kamala Harris, iċ-ċans hu li l-momentum fejn tidħol din l-affari jibqa’ bejn wieħed u ieħor l-istess,” spjega Zerafa.
Qal li għal pajjiż newtrali bħal Malta, dan għandu effett indirett, għax jekk inti Trump se jipprova jnaqqas l-importanza tan-NATO, u se jipprova jneħħi l-umbrella ta’ sigurtà minn fuq l-Ewropa, jaf ikun hemm imbuttatura biex l-UE jkollha l-armata tagħha. Din hija xi ħaġa li skontu diġà qed tiġi diskussa.
“Dan ikollu effett fuq Malta newtrali. Aħna bħalissa għandna l-benefiċċju ta’ din l-umbrella ta’ sigurtà, mingħajr ma nikkontribwixxu suldati jew mingħajr ma nkunu f’alleanzi militari. Nantiċipa li jekk ikun elett Trump, se jqum djalogu kemm fuq sfera Ewropea imma anke lokali,” żied jgħid.
Trump lest juża riżorsi naturali biex jinnegozja
Fejn jidħol it-tibdil fil-klima, skont Zerafa, l-affarijiet għal darb’oħra jistgħu jibqgħu l-istess b’Harris fit-tmun. Dan għaliex hi se timxi fuq il-passi ta’ Biden u l-linja tad-Demokratiċi.
Għaldaqstant Trump bħala President, diġà hi ċara, ifisser li se jimbotta l-industrija Amerikana speċjalment fejn jidħol iż-żejt, fracking u shale oil.
Semma kif il-midja qed tirrapporta kif Trump saħansitra lest juża dan kollu biex jiġbed lil Vladimir Putin, il-Kremlin Russu li qed jagħmel ħerba fl-Ukrajna, lejn il-mejda tan-negozjat.
“Trump, fejn tidħol it-tibdil tal-klima u l-enerġija, m’għandu l-ebda problema biex jisfrutta r-riżorsi naturali, imma wkoll jużahom bħala bargaining chip fejn jista’ jkun. Dik hija xi ħaġa li d-demokratiċi, naħseb, li mhumiex se jagħmlu.’
L-Elezzjonijiet Amerikani tal-2024: X’qed jiġri?
L-elezzjonijiet presidenzjali fl-Istati Uniti issa saħnu sew, speċjalment bejn Donald Trump, il-kandidat Repubblikan, u Kamala Harris, il-kandidat Demokratiku. Skont l-aħħar sondaġġi, huma prattikament fuq l-istess livell, b’madwar 48% tal-votanti rreġistrati jappoġġjaw lil Harris, filwaqt li 47% jagħtu l-appoġġ tagħhom lil Trump.
L-aħħar ċifri juru li Harris għandha reputazzjoni tajba, b’46.4% għandhom opinjoni favorevoli dwarha, filwaqt li 47.8% għandhom opinjoni negattiva. Filwaqt li Trump għandu 43.4% favorevoli u 52.1% negattivi.
Swing states huma dejjem essenzjali, speċjalment dawk bħal Pennsylvania, Michigan, u Wisconsin. F’dawn l-istati, Trump għandu vantaġġ ta’ 0.3% f’Pennsylvania, filwaqt li Harris għandha vantaġġ ta’ 0.4% f’Michigan. Dan ifisser li l-bidla ta’ votanti f’dawn l-istati tista’ tkun kruċjali għall-eżitu tal-elezzjoni.
Trump qed jagħfas fuq il-messaġġi tiegħu ta’ “Amerika l-ewwel,” u jiffoka fuq il-protezzjoni tal-postijiet tax-xogħol u l-investiment fil-qasam tal-industrija.
Il-votanti li jappoġġjawh huma ġeneralment ta’ età akbar, u jħossuhom konvinti li hu l-kandidat li jista’ jerġa’ jibni l-ekonomija tal-pajjiż.
Harris tiffoka fuq il-ġustizzja soċjali, il-libertajiet tal-vot, u l-importanza tad-diversità.
Hija tirrappreżenta l-vuċi tal-ġenerazzjoni żagħżugħa, speċjalment in-nisa u l-komunitajiet etniċi.
Il-punti ewlenin tal-kampanja tagħha jinkludu l-promozzjoni tal-edukazzjoni, il-protezzjoni tal-ambjent, u l-aċċess għal servizzi tas-saħħa. Harris qed ikollha riżultati tajbin mal-votanti ta’ età iżgħar, u dawk bi grad universitarju.
Il-votanti ta’ Trump juru appoġġ b’saħħtu, b’64% jgħidu li jappoġġjawh b’qawwa, filwaqt li 59% ta’ Harris għandhom l-istess sentiment.
B’dan il-pass, l-elezzjoni presidenzjali tal-2024 fl-Istati Uniti tidher li se tkun kompetitiva, u ħafna se jiddependi mill-votanti fi stati kritiċi.