L-FBI qed tinvestiga dak li jidher li huwa t-tieni attentat ta' assassinju fuq l-eks President Amerikan Donald Trump. L-inċident seħħ waqt li kien qed jilgħab il-golf f’korsa fi Florida. Trump ma ġarrab l-ebda ġrieħi.
Is-Servizzi Sigrieti kkonfermaw li nnotaw il-parti ta’ quddiem ta’ xkubetta minn wara grada. L-aġenti sparaw fid-direzzjoni fejn kien qed jistaħba raġel fl-arbuxell. Is-suspettat ħarab b’karozza, iżda ġie arrestat ftit wara.
Ir-raġel arrestat huwa Ryan Wesley Routh, li għandu kumpanija tal-kostruzzjoni fil-Hawaii. Skont l-ewwel informazzjoni, Routh kien kritiku ta’ Trump fuq il-mezzi soċjali.
Fil-post fejn kien pożizzjonat is-suspettat, il-pulizija sabu xkubetta AK-47, GoPro kamera u basket.
Dan huwa t-tieni attentat li qed jiġi rrappurtat fuq Trump, li bħalissa jinsab fit-tiġrija presidenzjali għall-elezzjonijiet tal-2024. Fi Pennsylvania seħħ attentat simili, meta Trump kien intlaqat f'widnejh minn aggressur li eventwalment inqatel fuq il-post.
Trump ikkonferma li jinsab tajjeb f’email mibgħuta lis-sostenituri tiegħu, filwaqt li l-avversarja politika tiegħu, Kamala Harris, esprimiet sodisfazzjon li Trump ma weġġax.