Il-Ħamis, l-Istati Uniti ħabbar pjan kbir ta’ operazzjoni militari fil-Baħar Mediterran li permezz t’hekk ikel u għajnuna oħra tista’ tintbagħat lejn Gaża bil-baħar.
Joe Biden, il-President tal-Amerika ħabbar li permezz ta’ moll temporanju, mijiet ta’ trakkijiet se jwasslu ikel u għajnuna umanitarja f’Gaża.
Biden sejjaħ din l-operazzjoni bħala “missjoni urġenti” u li l-implimentazzjoni tal-moll taf tieħu madwar 30 sa 60 jum b’għajnuna minn pajjiżi oħra fir-reġjun. Din l-operazzjoni se tinvolvi mijiet jew eluf ta’ suldati Amerikani. Skont il-mandat ta’ Biden, l-ebda suldat Amerikan m’għandu jirfes ġewwa Gaża hekk kif il-kunflitt ikompli jeskala.
Esperti u gruppi ta’ għajnuna umanitarja sostnew li l-għajnuna li ntbagħtet bl-ajru ma kinitx suffiċjenti biex tlaħħaq mal-iskala għolja tal-kriżi umanitarja f’Gaża.
Skont il-ministru tas-saħħa ta’ Gaza, huwa rrappurtat li aktar minn 30,000 persuna tilfu ħajjithom. L-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA), jistma li mill-inqas 1.9 miljun Palestinjan – 85% tal-popolazzjoni – kellhom jitilqu kawża tal-kunflitt.
In-Nazzjonijiet Uniti wissiet li aktar minn 570,000 persuna qed tħabbat wiċċha ma’ nuqqas kbir ta’ ikel u ġuħ, b’mod partikolari fit-Tramuntana ta’ Gaża.