Il-gwerra f’Gaża u fl-Ukrajna

Din l-aħħar sena sentejn ġraw żewġ avvenimenti li bdew u għadhom għaddejjin sal-lum il-ġurnata. Kuljum, is-sitwazzjoni teskala u kuljum numru ta’ nies jisfaw mejta, midruba jew jabbandunaw darhom

Il-ġrajja ta' Gaża 

Il-kunflitt ta’ Gaża jibqa’ kwistjoni persistenti u kumplessa fi ħdan il-kuntest usa’ tal-kunflitt Iżraeljan-Palestinjan. Matul medda ta’ żmien, Gaża kienet punt fokali ta’ attività militari li tinvolvi forzi Iżraeljani-Palestinjani. Il-Ħamas, grupp militari mill-Palestina, qajjem rixu f’Ottubru 2023 bit-tama li jeħles mill-kontroll ta’ Iżrael darba għal dejjem.  

L-istorja ta’ tilwim għandha għeruq storiċi, politiċi u territorjali, li jmorru lura 75 sena ta’ oppressjoni fuq il-Palestinjani. Minkejja waqfien mill-ġlied okkażjonali, it-tensjonijiet li għaddejjin għadhom iħallu impatt fuq ir-reġjun. 

Fi żmien li suppost għandu jkun ta’ hena u li l-familja tinġabar madwar il-mejda għal ikla sħuna u bnina, skont il-Ministru tas-Saħħa, f’Gaża nqatlu minn tal-inqas 858 Palestinjan kaġun tal-bumbardamenti Iżraeljani, filwaqt li ndarbu madwar 1,598 oħra. Il-Kap tal-armata Iżraeljana Herzi Halevi sostna li l-kunflitt mistenni jkompli għal diversi xhur oħra. 

  Fl-istess jiem ta’ festi, il-mezzi ta’ komunikazzjonijiet inqatgħu u saru aktar attakki mill-art, mill-ajru u anke minn fuq il-baħar speċifikament fuq tliet kampijiet tar-refuġjati – Al Bureij, An Nuseirat, u Al Maghazi. Dawn l-attakki ħallew toroq imfarrka b’ommijiet jagħtu l-aħħar tgħanniqa qalb il-biki u t-tifrik. 

  Fil-25 ta’ Diċembru, tim tal-WHO żar il-kamp ta’ Al Maghazi, fejn vittmi qasmu l-istejjer tal-waħx u qsim il-qalb li qed jgħixu ta’ kuljum. Id-Direttur Ġenerali tal-WHO jinsab imħasseb fuq it-tensjoni insapportabbli hekk kif is-sistema tas-saħħa preżentement tinsab għarkupptejha.  

Fit-23 ta’ Diċembru żewġ missjonijiet imnedija min-Nazzjonijiet Uniti (NU) irnexxielhom jaslu f’Gaża bi 19,200 litru fuel, provisti mediċinali u ikel sabiex jitqassmu f’erba’ sptarijiet.  

Dawn iż-żewġ missjonijiet iltaqgħu ma’ diversi sfidi minħabba toroq imkissra jew imblukkati u mezzi ta’ komunikazzjoni limitati, saħansitra mingħajr provisti tal-ilma, iżda minkejja dan, il-missjoni kienet kompluta hekk kif waslu l-provisti bażiċi f’Gaża.  

F’nofs it-tensjonijiet li qed jiżdiedu ġurnata b’ġurnata, in-numru ta’ nies li tilfu ħajjithom qalb it-trab ta’ darhom stess tela’ għal aktar minn 20,000 bħala riżultat mill-attakki Iżraeljani. L-enklavi Palestinjana qed taffaċċja blackout ieħor, hekk kif kumpaniji tat-telekomunikazzjoni jirrappurtaw tfixkil li wassal biex ir-Red Crescent tal-Palestina – organizzazzjoni umanitarja – titlef kuntatti mat-timijiet tagħha.  

F’Novembru 2023 kien intlaħaq ftehim bejn Iżrael u l-Ħamas li jieqaf il-ġlied sabiex jinħelsu l-ostaġġi u dawk detenuti mill-gruppi militari. Dan kien intlaħaq permezz tal-intervent mill-Qatar, u kien irnexxielhom iwaqqfu l-ġlied għal perjodu temporanju ta’ erbat ijiem. Kienu nħelsu 105 ostaġġi, u Iżrael ħalla 240 priġunier Palestinjan.  

Intant, ġimgħa qabel il-Milied, il-militar Iżraeljan iddikjara t-tmiem ta’ rejd li kien ilu għaddej jiem f’Jenin li jinsab fix-Xatt tal-Punent okkupat. Dan ir-rejd ħalla numru ta’ nies feruti. Il-White House tiżvela li l-uffiċjal tal-Istati Uniti, Jake Sullivan, kien involut f’taħditiet mal-mexxejja Iżraeljani f’Tel Aviv, u ddiskuta l-possibbiltà li l-konflitt jgħaddi għall-fażi ta’ “intensità aktar baxxa”.  

Il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu jesprimi gratitudni lil Washington għall-appoġġ u l-armi bla waqfien, filwaqt li jenfasizza li l-gwerra se tippersisti sakemm il-Ħamas jiġi eliminat. Is-sitwazzjoni għadha volatili ħafna, bi tħassib umanitarju jikber fost operazzjonijiet militari li għaddejjin. 

Ftit tal-jiem ilu, il-Forzi Difiża Iżraeljani (IDF) “bi żball” qatlu tliet persuni li dehru ta’ theddida. Irriżulta li dawn kienu tliet żgħażagħ Iżraeljani li kienu marru sal-bażi militari b’bandiera bajda sabiex jinnegozjaw il-ħelsien tal-ostaġġi. Ironikament, Netanyahu ddeskriva dan l-avveniment bħala “traġedja insopportabbli”.  

Fil-bidu ta’ Diċembru, l-ogħla uffiċjali tal-Istati Uniti talbu lil Iżrael biex jagħmel li jista’ biex jipproteġi liċ-ċivili fil-Medda ta’ Gaża u fittxew li jerġgħu jibdew it-taħditiet bl-għan li jinħelsu l-ostaġġi. 

Is-Segretarju tad-Difiża Lloyd J. Austin III, li żar darbtejn lil Iżrael minn mindu bdew l-attakki tal-Ħamas fis-7 ta’ Ottubru, qal li l-appoġġ tal-Istati Uniti għas-sigurtà Iżraeljana “jibqa’ bla waqfien.” 

L-Istati Uniti hija alleat mill-kbar li qed tappoġġja lil Iżrael u anke pprovdiet provisti militari bħal armi tan-nar lill-militanti Iżraeljani għaliex ‘għandhom dritt jiddefendu’. Ma ninsewx li l-Palestinjani kienu ilhom snin twal oppressati minn Iżrael, u għadhom jinsabu fl-istess pożizzjoni jekk mhux agħar minn qatt qabel.  

Skont statistika mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Kordinazzjonijiet tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA), ġew irrappurtati aktar minn 19,000 Palestinjan mejjet, u aktar min 52,000 ferut. Mentri, iktar minn 1,000 Iżraeljan ġew irrappurtati mejta u ftit iktar minn 5,000 imweġġgħa.  

Ir-rapport juri wkoll li aktar minn 52,000 dar huma mġarrfa f’Gaża, filwaqt li aktar minn 80% tal-popolazzjoni f’Gaża spiċċaw telqu minn darhom. Dan jiġifieri 1.8 miljun ruħ, spiċċaw spostati minn Gaża.  

Fil-15 ta’ Novembru, Malta kien irnexxielha tgħaddi riżoluzzjoni ta’ pawżi umanitarji f’Gaża, ippreżentata mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Interni Ian Borg, sabiex tilħaq tingħatalhom kull għajnuna possibbli minn aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti (UN). Din kienet ġiet approvata mill-Kunsill tas-Sigurtà wara r-raba’ attentat għal riżoluzzjoni, bi 12-il vot favur, 4 astensjonijiet u wieħed kontra.  

Il-kunflitt tal-Ukrajna  

L-Ukrajna affaċċjat sfidi sinifikanti, partikolarment wara l-annessjoni tal-Krimea fl-2014 mir-Russja. L-invażjoni timmarka eskalazzjoni drammatika tal-kunflitt ta’ tmien snin u jfisser li huwa punt ta’ bidla storika għas-sigurtà Ewropea.  

Fit-26 ta’ Diċembru, il-President Ukren Zelensky ikkonferma li l-armata Ukrena attakkat u qerdet bastiment tal-gwerra Russu fil-port tal-Krimea f’Feodosia. L-alleati tal-Punent saħqu li dan huwa pass enormi lura għall-armata Russa. Dan il-bastiment kien jintuża biex iġorr suldati, tankijiet u vetturi tal-gwerra. Kien issuspetta li l-bastiment kien qed iġorr drones bi splussivi ta’ għamla Iranjana.  

Jumejn wara l-Milied, truppi Russi daħlu u ħakmu l-villaġġ Mariinka, qrib Donetsk, fil-Lvant tal-Ukrajna, li nqered kompletament.  

Il-Ministru għall-Intern Ukren qal li l-qawwiet u l-forzi Russi qatlu u darbu bosta persuni. Fil-fatt, skont il-Missjoni ta’ Monitoraġġ tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti fl-Ukrajna (HRMMU), mill-inqas 10,000 persuna ċivili, inklużi aktar minn 560 tifel u tifla, inqatlu u aktar minn 18,500 ndarbu minn meta r-Russja nediet attakk armat fuq skala sħiħa tagħha kontra l-Ukrajna fl-24 ta’ Frar 2022.  

Minn mindu seħħet l-invażjoni Russa fl-2022, Mariinka llum huwa post evakwat u abbandunat wara li sofra attakki kontinwi mir-Russi. Għal disa’ snin sħaħ l-armata Ukrena kienet bniet strutturi ta’ fortifikazzjoni bħala mezz ta’ protezzjoni kemm mill-art u mill-ajru, u li jingħaqdu ma’ sistema oħra taħt l-art – li b’suċċess Putin irnexxielu jkisser. Mariinka kien jintuża mill-Ukrajna bħala ostaklu difensiv mill-2014, meta ġellieda appoġġjati mir-Russja ħatfu meded kbar tar-reġjuni tal-Lvant ta’ Donetsk u Luhansk. 

Il-ġimgħa l-oħra, il-President Volodymyr Zelenskiy ippropona li jingħaqdu madwar 500,000 suldat ġdid mal-armata Ukrena. Il-Kap tal-armata Ukrena, Valerii Zaluzhnyi qal li ma kienx sodisfatt bl-abbozz militari. Fl-abbozz, l-età ta’ mobilizzazzjoni niżlet għal 25 sena minn 27 sena.  

Il-pajsaġġ ġeopolitiku li jdur mal-Ukrajna huwa wieħed dinamiku, u l-pajjiż jinsab quddiem rivalità b’poter mill-President Russu Vladimir Putin.  

Il-gwerra imbuttat lill-Ukrajna biex tingħaqad mal-Unjoni Ewropea u mal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO). 

Mexxejja Russi, inkluż Putin, allegaw li l-Istati Uniti u n-NATO ripetutament kisru l-wegħdiet li għamlu fil-bidu tad-disgħinijiet biex ma jespandux l-alleanza fil-blokk Sovjetiku. Huma jqisu t-tkabbir tan-NATO bħala mossa umiljanti lejhom.  

Ftit ġimgħat qabel summit tan-NATO fl-2008, Putin kien wissa lid-diplomatiċi Amerikani li l-alleanza mal-Ukrajna huwa pass ostili. Wara ftit xhur, Putin inqabad f’tilwima ta’ gwerra mal-Georgia, li kien mod biex juri r-rieda li juża l-forza biex jiżgura l-interessi tiegħu.  

Minkejja li l-Ukrajna ma baqgħetx membru tas-Sovjetika, bdiet issaħħaħ ir-rabtiet man-NATO li wasslu għall-invażjoni fl-2022.  

Ġimgħat qabel l-invażjoni, ir-Russja għamlet diversi talbiet ta’ sigurtà lill-Istati Uniti u n-NATO, inkluż li jieqfu jespandu l-alleanza tagħhom u li jfittxu l-kunsens Russu għal ċerti skjeramenti tan-NATO. Ir-Russja kienet talbet ukoll għat-tneħħija tal-armi nukleari tal-Istati Uniti mill-Ewropa. 

Din hija kriżi mhux biss tal-Ukrajna, imma anke tal-Ewropa. Bosta esperti li tkellmu ma’ diversi ġurnali fosthom mal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin, saħqu li Putin għandu l-għan li ma jħallix lill-Ukrajna tiżviluppa u tadatta sistema demokratika tal-Punent, u li jrid ikisser id-demokrazija u l-ekonomija Ukrena.  

Il-produzzjoni ekonomika tal-Ukrajna issa tinsab fi frazzjoni tal-livelli tagħha ta’ qabel il-gwerra. Fl-ewwel sena tal-kunflitt, il-pajjiż tilef 30-35% tal-GPD. Dan wassal għall-akbar riċessjoni fl-istorja tal-Ukrajna. Il-faqar fil-pajjiż żdied minn 5.5% tal-popolazzjoni għal 24.2% fl-2022, skont il-Bank Dinji. Il-gwerra għalhekk imbuttat 7.1 miljun ruħ aktar fil-faqar, u 15-il sena ta’ progress intilfu.   

More in Barranin