Mal-200 persuna mejta fi żmien 24 siegħa wara offensiva mill-Iżrael kontra militanti tal-Ħamas

Skont l-Iżrael, L-għan ta’ din il-missjoni kienet li ddgħajjef il-Ħamas billi tolqot ċentri ta’ kmand ewlenin, depożiti tal-armi, u anke r-residenza tal-mexxej tal-Ħamas Yahya Sinwar

Ritratt: Twitter/State of Palestine
Ritratt: Twitter/State of Palestine

Mal-200 persuna nqatlu fi żmien 24 siegħa, bħala parti mill-offensiva ta’ Iżrael kontra l-militanti tal-Ħamas.

Il-forzi militari Iżraeljani wettqu operazzjonijiet estensivi fl-istrixxa ta’ Gaża, permezz ta’ attakki mill-ajru u tankijiet, primarjament fiż-żoni ta’ Khan Younis u l-kamp ta’ Nuseirat.

Intant, l-Iżrael iffaċilita d-dħul ta’ vaċċini f’Gaża, bil-għan li jlaqqam kważi 1.4 miljun ruħ kontra diversi mard. Minkejja dawn l-isforzi, l-aċċess għall-għajnuna umanitarja għadu limitat, u jqajjem tħassib dwar il-provvista inadegwata ta’ riżorsi essenzjali għal Gaża.

Il-kunflitt li għaddej wassal għal spostament tal-massa u telf ta' ħajja fost il-komunitajiet ta' Gaża. Skont rapporti, l-ammont ta’ persuni mejta laħaq il-22,000 persuna. Intant, iktar minn 2.3 miljun resident ta’ Gaża qed jispiċċaw jevakwaw minħabba l-bumbardamenti kontinwi.

Ġurnalist Palestinjan minn Al-Quds TV, flimkien ma’ membri tal-familja, inqatlu f’attakk mill-ajru fil-kamp ta’ Nuseirat. Barraminnhekk, l-uffiċċju tal-midja tal-Gvern ta’ Gaża rrapporta total ta’ 106 ġurnalist Palestinjan li nqatlu waqt l-offensiva Iżraeljana.

Fid-dawl ta’ dan, Korpi internazzjonali, bħall-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti (CPJ), qajmu allarmi dwar il-mira tal-ġurnalisti, u enfasizzaw xejra inkwetanti fil-kunflitt.

L-Afrika t’Isfel appellat lill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, fejn akkużat lill-Iżrael li kiser il-Konvenzjoni dwar il-Ġenoċidju fl-azzjonijiet tiegħu kontra l-Ħamas f’Gaża. Din is-sejħa għandha l-għan li twaqqaf il-kampanja militari tal-Iżrael u li tipprevjeni aktar ħsara.

More in Barranin