Il-Prinċep Harry, nhar il-Ġimgħa se jsir jaf x'inhi d-deċiżjoni tal-każ importanti tiegħu kontra Mirror Group Newspapers. Il-prinċep allega li kien hemm ġbir illegali ta’ informazzjoni min-naħa ta’ Mirror Group.
L-Imħallef tal-Qorti se jiddeċiedi dwar 33 storja ta’ aħbarijiet li Harry jisħaq li nkisbu illegalment, u b’hekk jimmarka mument sinifikanti fl-allegazzjonijiet tiegħu ta’ 'hacking' tat-telefon.
Il-Prinċep allega li kien hemm 'hacking' mit-telefon estensiv minn Mirror Group Newspapers mill-2006 sal-2011. Harry saħaq li permezz ta’ dan, kienu nħarġu diversi stejjer li kisru l-privatezza tiegħu u dgħajfu relazzjonijiet li kellu, fosthom ir-relazzjoni mal-eks ħabiba Chelsy Davy.
F'Ġunju, il-Prinċep Harry kien l-ewwel persuna rjali li ta evidenza estensiva personali fil-qorti, u sostna li l-gazzetti tal-grupp, inklużi Daily Mirror u Sunday Mirror, kienu użaw 'hacking' tat-telefon u mezzi illegali oħra biex jippubblikaw stejjer dwaru.
Is-sentenza, mistennija wara l-10:30, li tista’ twassal għal verdetti separati għal kull storja, li tħalli impatt fuq iż-żewġ naħat.
L-avukati tal-gruppi tal-istampar saħqu li l-Prinċep falla milli jipprovdi evidenzi ċari ta’ 'hacking'.
Il-Prinċep Harry qed jfittex £320,000 għad-danni f’dan il-każ ċivili, u r-riżultat jista’ jwassal għal aktar azzjoni legali minn rikorrenti oħra.
Il-Mirror Group Newspapers, li diġà stmaw madwar £100 miljun fi spejjeż fuq każijiet ta’ 'hacking' preċedenti oħrajn, wegħdet li se jiddefendu bil-qawwa kontra allegazzjonijiet ħżiena.
Il-kawża tal-Prinċep Harry kontra Mirror Group hija waħda minn diversi battalji legali li qed jiġġieled kontra gruppi ta’ gazzetti, inklużi Associated Newspapers u News Group Newspapers.
Mal-Prinċep jingħaqad fl-azzjoni legali tiegħu l-eks attriċi ta’ Coronation Street Nikki Sanderson, l-eks mara tal-kummidjant Paul Whitehouse Fiona Wightman u l-attur Michael Turner, magħruf ukoll bħala Michael Le Vell.