Malta fost il-pajjiżi li tat l-appoġġ għal operazzjoni li għandha tipprevjeni diżastru naturali

L-operazzjoni mistennija ddum sa sitt ġimgħat, u se tinkludi t-tneħħija ta' miljuni ta' bramel ta' żejt minn fuq it-tanker 'Safer' li nkalja viċin il-Yemen fl-2015

Malta se tkun waħda mill-pajjiżi li se tgħin f’operazzjoni biex jiġi evitat diżastru ambjentali fil-Baħar l-Aħmar, hekk kif bħalissa, tanker taż-żejt qiegħed f’riskju li joħloq katastrofija li titfa eluf ta’ persuni u speċi ta’ annimali f’riskji serji.

Dan b’rabta mat-tanker taż-żejt ‘Safer’ li nkalja fl-2015 u tħalla viċin il-kosta ta’ Yemen b’1.1 miljun bramel taż-żejt. Minħabba li dan tħalla abbandunat għal tmien snin imsaddad u espost għall-elementi, hemm ċans li dan joħloq problemi kbar għall-ambjent. It-tanker kien tħalla abbandunat minħabba l-gwerra ċivili li faqqgħet fil-Yemen fl-2014.

Mindu nkalja dan it-tanker, in-Nazzjonijiet Magħquda ġabru €120 miljun għall-operazzjoni biex is-sitwazzjoni tiġi kkontrollata, u saħansitra xtrat tanker ieħor biex il-fuel mit-tanker inkaljat jitneħħa minn ġo fih. 

L-ewwel bastiment ta’ din l-operazzjoni waslet viċin Safer fit-30 ta’ Mejju, biex b’hekk bdiet operazzjoni li mistennija ddum minn erba’ sa’ sitt ġimgħat, biex jiġi evitat diżastru ambjentali.

Esperti ambjentali kienu stqarru li Safer huwa f’riskju li jinqasam, jisplodi jew jieħu n-nar, u meta wieħed jikkunsidra l-fatt li fih hemm aktar żejt mill-Exxon Valdez, it-tanker wara wieħed mill-agħar diżastri ambjentali, l-effetti ta’ Safer jistgħu iwasslu għal diżastru ferm akbar.

Jekk dan id-diżastru jsir realtà, huwa stmat li mal-200,000 persuna li jaħdmu fis-settur tas-sajd tul il-kosta ta’ Yemen jispiċċaw mingħajr sors t’għixien, u l-arja mniġġsa tkun ta’ detriment għal miljuni ta’ persuni. Apparti minn hekk, hemm ukoll il-ħsara kbira lil diversi speċi ta’ tajr, u ħut li jkunu f’riskju li jinqerdu.

Għalhekk, numru ta’ pajjiżi, fosthom Malta, taw l-appoġġ tagħhom għal din l-operazzjoni delikata, li ġiet assenjata lill-kumpanija SMIT Salvage. Din il-kumpanija, permezz tal-bastiment Malti, Salina Bay, kienet ukoll strumentali fl-operazzjoni biex jitneħħa l-fuel minn fuq il-Costa Concordia fl-2012.

More in Barranin