Zelensky fil-Ġappun għal laqgħa ta' G7 ftit wara ftehim li se jagħti ajruplani Amerikani lill-Ukrajna

Bħalissa, l-Ukrajna qed tipprepara għal kontra-attakk fuq il-forzi Russi fit-territorju tagħha, u għadu mhux ċert jekk l-ajruplani tal-gwerra humiex se jaslu qabel jew wara li jibda l-attakk

Il-Prim Ministru Brittaniku Rishi Sunak jilqa' lill-President Ukren Volodymyr Zelensky
Il-Prim Ministru Brittaniku Rishi Sunak jilqa' lill-President Ukren Volodymyr Zelensky

Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky jinsab fil-Ġappun għal laqgħa tal-grupp internazzjonali G7. Hawn, Zelensky mistenni jiltaqa’ mal-mexxejja tal-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Kanada, Franza, il-Ġermanja, l-Italja u l-Ġappun. 

Dwar din il-laqgħa, Zelensku qal li permezz tagħha, il-paċi tinsab aktar viċin. Il-laqgħa qed isseħħ ftit wara l-approvazzjoni tal-Istati Uniti li tfisser li piloti Ukreni issa se jkunu mħarrġa dwar kif joperaw ajruplani tal-gwerra Amerikani F-16, liema approvazzjoni tfisser li pajjiżi bħall-Olanda, il-Belġju u d-Danimarka jistgħu jibgħatu l-istess ajruplani lejn l-Ukrajna.

Tibda l-anteċipazzjoni għall-Ukrajna, hekk kif l-ajruplani tal-gwerra avvanzati F-16 huma maħsuba li se jagħmlu differenza kbira fil-gwerra kontra r-Russja
Tibda l-anteċipazzjoni għall-Ukrajna, hekk kif l-ajruplani tal-gwerra avvanzati F-16 huma maħsuba li se jagħmlu differenza kbira fil-gwerra kontra r-Russja

L-Ukrajna ilha żmien twil tappella lill-Punent sabiex jintbagħtu dawn l-ajruplani, li huma maħsuba li se jagħmlu differenza kbira fil-gwerra fl-Ukrajna.

Il-mexxejja tal-G7 esprimew l-aktar suġġetti mportanti għall-pajjiżi tagħhom, li kollha għandhom x’jaqsmu mal-Ukrajna. Hawn intqal li huma kommessi sabiex jintensifikaw l-appoġġ finanzjarju, umanitarju, diplomatiku u militari lejn l-Ukrajna, kif ukoll li huma se jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-bqija tad-dinja li qed iħabbtu wiċċhom mal-impatti negattivi tal-gwerra. 

Saret ukoll referenza għal “dinja mingħajr armi nukleari”, iżda għad ma kien hemm ebda pjan konkret lejn dan l-għan.

F’Hiroshima, il-Prim Ministru Brittaniku, Rishi Sunak deher jgħannaq lil Zelensky. Dan wara li aktar kmieni din il-ġimgħa, ġie mħabbar li r-Renju Unit se jibgħat mijiet ta’ missili li jiddefendu mill-attakki tal-ajru, flimkien ma’drones armati fost armi oħra.

Intant, ir-Russja wissiet dwar "riskji kbar" marbuta mal-għotja ta' ajruplani militari lill-Ukrajna, skont id-Deputat Ministru għall-Affarjiet Barranin Russu. Hawn intqal li l-Punent għadu qed jeskala s-sitwazzjoni, liema deċiżjoni ġġorr riskji serji għalihom stess. 

More in Barranin