Fit-Turkija: Ebda kandidat ma kien kapaċi jġib 50% tal-voti f’elezzjoni ġenerali sinifikanti għall-pajjiż

Il-futur tat-Turkija huwa wieħed mifni b’inċertezza, hekk kif it-Turkija tidher li saret stat polarizzat. Il-maġġoranza tal-votanti li vvutaw għall-kandidat tal-oppożizzjoni, Kemal Kilicdaroglu jixtiequ jaraw lil Erdogan imniżżel mis-siġġu tal-poter

Ritratt: BBC
Ritratt: BBC

L-elezzjoni fit-Turkija li se tiddeċiedi min se jmexxi dan il-pajjiż għall-ħames snin li ġejjin se tmur għat-tieni stadju ta’ votazzjoni, wara li għall-ewwel darba fl-istorja tal-pajjiż, ebda kandidat ma rnexxielu jikseb 50% tal-voti.

Din l-elezzjoni hija waħda sinifikanti li tista’ tara t-tmiem tat-tmexxija ta, Recep Tayyip Erdogan, li tul iż-żmien, sar mexxej awtoritarju wara kolp ta’ stat fallut fl-2016. 

Fil-fatt, kollox deher miexi tajjeb għall-kandidat mill-oppożizzjoni Kemal Kilicdaroglu, hekk kif partiti fl-oppożizzjoni ħadmu flimkien biex jeħilsu mill-President attwali. 

Kilicdaroglu saħaq li huwa se jkun qed jibni mill-ġdid id-demokrazija fit-Turkija, u jsaħħaħ ir-relazzjonijiet tal-pajjiż man-NATO. Kilicdaroglu tilef numru ta’ elezzjonijiet fis-snin li għaddew, iżda din is-sena, il-messaġġ tiegħu li huwa qiegħed hemm sabiex ineħħi lil Erdogan mis-siġġu tal-poter intogħġob ferm aktar mill-elettorat.

Il-gvern ta’ Erdogan tilef ħafna mill-popolarità tiegħu, hekk kif fost l-oħrajn, l-inflazzjoni fil-pajjiż laqħet l-44% li wasslet għal problemi serji tal-għoli tal-ħajja anke minħabba deċiżjonijiet ekonomiċi tal-gvern. Apparti minn hekk, il-gvern ta’ Erdogan kien kritikat għar-rispons fjakk tiegħu għat-terremoti fil-pajjiż fi Frar li għadda, li qatlu aktar minn ħamsin elf ruħ.

It-Tnejn filgħodu, wara r-riżultati mhux konklussivi, iż-żewġ kandidati għamlu d-diskorsi tagħhom, fejn it-tnejn li huma nstemgħu ottimisti li se jirbħu fil-ġurnata tal-votazzjoni li jmiss, li se ssir fit-28 ta’ Mejju. 

B’dan ir-riżultat, Erdogan diġà qabeż dak li kien mistenni, hekk kif numru ta’ kritiċi qalu li Kilicdaroglu kellu vantaġġ fuq il-President preżenti. Apparti minn hekk, il-partit ta’ Erdogan jidher li se jkun qed jirbaħ maġġoranza fil-Parlament.

Li jista’ jingħad fiċ-ċert huwa li t-Turkija hija fost id-diversi stati madwar id-dinja b’qasma kbira fl-elettorat.

More in Barranin