Wara 70 sena ta’ stennija, ir-Re Karlu inkurunat

Jidher illi għad fadal żmien twil sakemm ir-Renju Unit possibilment jerġa’ jkollu reġina oħra. Dan hekk kif is-suċċessur tar-Re Karlu huwa l-Prinċep William u eventwalment huwa wkoll se jkun sostitwit minn ibnu l-kbir, il-Prinċep George.

Ir-Re Karlu III
Ir-Re Karlu III

Ġejjin ġimgħat ippakkjati sa ruħ ommhom għar-Renju Unit hekk kif dan ix-xahar il-pajjiż se jospita diversi nies madwar id-dinja biex jaraw il-Eurovision Song Contest, li se jsir f’Liverpool. Fuq kollox ukoll, l-aktar importanti għall-popolazzjoni Ingliża hija l-inkoronazzjoni tar-Re Karlu III. Ilbieraħ id-dinja segwiet avveniment storiku hekk kif wara 70 sena, fuq it-tron issa hemm Re, ir-Re Karlu t-tielet. Apparti minn hekk jidher illi għad fadal żmien twil sakemm ir-Renju Unit possibilment jerġa’ jkollu reġina oħra. Dan hekk kif is-suċċessur tar-Re Karlu huwa l-Prinċep William u eventwalment huwa wkoll se jkun sostitwit minn ibnu l-kbir il-Prinċep George.

Filwaqt li r-Re Karlu ħa l-irwol ta’ re immedjatament wara l-mewt ta’ ommu, r-Reġina Eliżabetta II, l-inkoronazzjoni tal-ogħla membru tal-monarkija dejjem issir wara li jiġi proklamat is-suċċessur. Fil-fatt ir-Reġina Eliżabetta II ġiet inkoronata erba’ xhur wara li miet misiera, ir-Re Ġorġ VI, jiġifieri f’Ġunju 1952.

Minkejja l-fatt illi l-inkoronazzjoni tar-Reġina Eliżabetta, 70 sena ilu, kienet estravaganti b’aktar minn 9,000 persuna mistiedna, ir-Re Karlu ħa aproċċ differenti. Filwaqt li nżamm livell ta’ standard ‘fit or a King’ kienet deċiżjoni tiegħu li “jċekken” il-festeġġjamenti fid-dawl tal-kriżi tal-għoli tal-ħajja u l-impatti tal-Covid-19 fuq l-ekonomija tal-pajjiż. Wara kollox, dawn iċ-ċelebrazzjonijiet grandjużi huma mħallsa mit-taxxi tal-poplu Ingliż u huwa ta’ benefiċċju għar-Re li jiksiriex mal-poplu fil-bidu tat-tmexxija tiegħu. Minkejja dan, ħafna Ingliżi xorta ma tantx ħaduha tajba li r-Re nefaq bejn £100 miljun u £125 miljun.

Il-maġġoranza tal-infiq fuq l-inkoronazzjoni, jew hekk imlaqqma ‘Operation Golden Orb’, kienet fuq sigurtà. Min-naħa l-oħra irridu nsemmu wkoll li qiegħed jiġi stmat li l-ekonomija Ingliża se tingħata spinta sostanzjali għaliex huwa mifhum li se jiġi iġġenerat £1 biljun minn dan l-avveniment biss.   

 

Re ġdid, monarkija moderna?

70 sena bejn inkoronazzjoni u oħra ma humiex ċajta. Ir-Reġina Eliżabetta hija t-tieni l-aktar figura tal-monarkija fl-Ewropa li damet fuq it-tron. Iż-żminijiet jinbidlu u kien għalhekk li r-Re ħass li hemm numru ta’ affarjiet li jistgħu itejbu l-monarkija u l-operat tagħha. L-ewwel u qabel kollox naraw li ħa numru ta’ miżuri biex inaqqas l-infiq u jiġġenera aktar dħul.

Malli ħa postu, ir-Re għamel ristrutturar tal-ħaddiema fi ħdan il-palazz Buckingham. Qal illi ma kienx hemm lok biex il-konsulenti jkollhom il-konsulenti tagħhom stess, fost nuqqasijiet oħra. Apparti minn hekk ir-Re urtatu l-fatt illi membri tal-familja estiża tagħhom kienu jippretendu li jkollhom akkomodazzjoni irjali.

La qed nitkellmu fuq akkomodazzjoni, tajjeb li nsemmu li r-Re Karlu mhuwiex daqstant akkanit bil-palazz Buckingham għax jemmen li mhux sostenibbli. Apparti minn hekk ingħad illi l-pjanijiet tar-Re huwa li jagħmel ir-residenzi rjali miftuħin għall-pubbliku. Mhux eskluż li wieħed minn dawn ir-residenzi jkun il-palazz.

Apparti minn hekk il-mara tar-Re, ir-Reġina Camilla Parker Bowles, għall-ewwel darba, se tiġi inkoronata b’kuruna riċiklata u mhux se ssirilha waħda ġdida, ukoll biex tnaqqas mill-infiq. Fil-fatt se jkollha l-kuruna tar-Reġina Mary li saritilha għall-koronazzjoni tal-1911.

Xi ħaġa oħra ġdida għall-koronazzjoni hija li normalment ma jkunx hemm l-involviment tal-ulied u tan-neputijiet u din kienet xi ħaġa oħra li biddel ir-Re Karlu hekk kif kien ħerqan li jara lin-neputijiet tiegħu jieħdu sehem fl-attivitajiet kollha.

Intant fl-irwol tiegħu bħala Re huwa wiegħed li kien se jkun ir-Re tan-nies. Nies ta’ kull reliġjon, twemmin, etniċità.

 

Għaliex Camilla saret Reġina?

L-istorja ta’ Karlu u Camilla kulħadd jafha u għal żmien twil l-imħabba ta’ bejniethom ikkawżat inkwiet kbir fi ħdan l-istituzzjoni. Iżda kif saret Queen Consort?

Infakkru li għalkemm it-tnejn li huma iddivorzjaw, ir-Reġina Eliżabetta ippermettiet li binha jerġa’ jiżżewweġ. Skont l-Att dwar iż-Żwieġ Irjali tal-1772, il-membri tal-familja rjali jridu l-permess tas-sovran biex jerġgħu jiżżewġu. Għaldaqstant jekk huma ngħataw il-permess li jiżżewġu ma kien hemm ebda problema li jsir Re. Iz-ziju tar-Reġina, ir-Re Edward VIII ukoll xtaq li jiżżewweġ mara miżżewġa, kif fil-verità għamel, però dak iż-żmien li wieħed jiżżewweġ lil xi ħadd iddivorzjat kien ikun skandlu kbir kif ukoll ingħad li huwa ma kienx qiegħed iwettaq id-dmirijiet kollha tiegħu u baqa’ jinsisti biex jiżżewwiġa iżda la l-ġenituri, il-pubbliku l-Gvern u l-Commonwealth ma approvaw dan iż-żwieġ u għalhekk abdika u wassal biex issa se jkun inkoronat ir-Re Karlu.

Intant il-koppja irjali iżżewġet fl-2005 u dakinhar ġie żvelat illi meta Karlu jsir Re, hija kienet se tibqa’ prinċipessa però qabel ma mietet ir-Reġina kienet żvelat li tixtieq illi issir reġina.

 

 

 

More in Barranin