'Jiena nara li se jkun hemm eskalazzjoni tal-gwerra fl-Ukrajna' - Flores

Sena mill-gwerra l-inċertezza, l-inflazzjoni u t-theddida għas-sigurtà tal-UE għadhom prevalenti daqs qatt qabel. L-ekonomista u opinjonista Clint Flores jitkellem mal-ILLUM 

Wara li l-ġimgħa l-oħra l-gazzetta ILLUM tat ħarsa lejn l-impatt politiku tal-gwerra fl-Ukrajna, speċjalment l-attitudni li adottat l-Unjoni Ewropea u l-effetti ta' dan - f'dan it-tielet u l-aħħar artiklu li jitratta s-sena mill-bidu tal-Gwerra - jmiss li nerġgħu nitkellmu dwar l-impatt ekonomiku. 

Minn analiżi li saret minn din il-gazzetta wkoll, jirriżulta li fl-2022 l-ekonomija Russa ħadet daqqa, iżda l-ewwel indikazzjonijiet - anke jekk inizzjali - juru illi fl-2023 jista' jkun hemm rkupru. Anke fejn jirrigwarda ż-żejt, jidher li Vladimir Putin sab modi kif ibiegħu jew ikabbar il-fornitura għal pajjiżi bħall-Indja.  

Allura wieħed - mingħajr ma jrid - jistaqsi: Dawn is-sanzjonijiet kellhom effett? Jew ir-Russja se ssib triq oħra minn fejn tgħaddi biex tagħmel tajjeb għal dawn id-daqqiet? 

Clint Flores, ekonomista u opinjonista dwar materji politiċi, jisħaq mal-gazzetta ILLUM illi huwa jemmen li meta kienu imposti s-sanzjonijiet mill-Unjoni Ewropea u l-Punent dawn iddaħħlu bil-mod u mhux f'daqqa, il-Mexxej Russu Vladimir Putin lagħab bil-fatt li s-sanzjonijiet daħlu ftit, ftit - xi ħaġa li ġennet il-prezzijiet tal-gass."  Flores spjega kif dan għen lil Putin, fis-sens li laħaq daħħal ħafna iktar flus fir-riservi Russi.  

Flores fakkar li wara li ddaħħlu s-sanzjonijiet l-Unjoni Ewropea riedet tara minn fejn se tkopri s-sigurtà tal-fornitura, "għalhekk riedet tara minn fejn qed jiġu eżatti l-profitti li qed iħallsu għall-gwerra għax ladarba r-Russja ma jkollhiex flus ma tkunx tista' tiffinanzja l-gwerra." Dwar dan, Flores fakkar li l-Unjoni Ewropea qablet mal-pajjiżi tal-G7 - li jinkludu l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u l-Ġappun - li jsir embargo fuq iż-żejt Russu u anke fuq il-prezz. "Is-sanzjonijiet raw illi żejt li jkun ittrasportat bil-baħar permezz tal-vapuri Russi jsir embargo fuqhom, għalhekk trid tara l-effett ta' dan x'se jkun fuq il-profitti Russi, li normalment kienu jidħlu fin-National Wealth Fund Russu."  

Flores ifakkar li f'dan il-fond hemm madwar €310 biljuni f'YEN, jew inkella madwar €46 biljun dollaru. Dan juri għalhekk li sa issa r-Russja għandha fuqhiex taqa' bħala flus. "Trid tara kif se tiġi affetwata din ir-riżerva, għax jekk ir-Russja ma tkunx tista' tforni dan iż-żejt ġo pajjiżi oħrajn, minħabba li l-bastimenti ma għandhomx assigurazzjoni biex ikunu fuq il-baħar, se jkollok effett."   

Huwa qal illi jidher li kien hemm sitwazzjoni fejn ir-Russi kienu qed iduru ma' dawn is-sanzjonijiet permezz ta' kumpaniji f'Dubaj u jista' jkun li jsiru sanzjonijiet fil-konfront ta' dawn ukoll.  

L-impatt tas-sanzjonijiet aktar qed jinħassu fil-punent 

Clint Flores kompla jispjega kif minkejja li l-IMF, il-Bank Dinji u l-OECD fost oħrajn qed jaraw li l-Prodott Gross Domestiku Russu jonqos b'4%, "domestikament l-impatt mhuwiex jinħass daqs kemm qed jinħass fil-Punent."  

Jiġifieri qed jgħid li l-impatt tas-sanzjonijet qed jinħass aktar fil-Punent, li għamel l-istess sanzjonijiet?  

Flores jaqbel li dan huwa l-każ u jgħid li fil-Punent inħassu aktar għax is-settur privat huwa ħafna akbar u allura l-impatt inħass ħafna aktar minn negozji. Dan filwaqt li fir-Russja huwa s-settur pubbliku li huwa ħafna akbar.  

"Dan ifisser li l-Gvern Russu seta' jidħol b'injezzjoni kapitali b'sussidji li żammew il-kalma ekonomika domestika. Minkejja dan, il-privat fir-Russja - bħal per eżempju il-Manifattura tal-karozzi - bata u ħa daqqa ta' ħarta. Minkejja dan, frott il-profitti li għamel, il-Gvern Russu jidher li żamm l-ekonomija kalma." 

'L-Ewropa ħelsitha bi żbrixx minn riċessjoni' 

F'artiklu li deher fuq din il-gazzetta Flores kien bassar sitwazzjoni ekonomika pjuttost negattiva għal din is-sena. Għadu jaħseb li hemm ċans li l-UE tidħol f'riċessjoni? 

Huwa sostna li wara dak it-tbassir l-Ewropa kellha temp sabiħ ħafna, li mhux komuni għaż-żmien tax-Xitwa u allura dan għen biex id-domanda għall-gass ma tkunx daqs dik mistennija f'dan iż-żmien tas-sena. "Dan wassal biex il-prezzijiet tal-enerġija ikkalmaw u allura jidher li l-Ewropa se teħles minn riċessjoni bi żbrixx," sostna Flores. Imma kompla jispjega kif dan it-tbassir qed isir taħt l-assunzjoni li l-affarijiet jibqgħu kollha l-istess, fis-sens li l-gwerra ma teskalax. "Imma jiena mhux qed nara li ma jkunx hemm eskalazzjoni," sostna Flores mal-ILLUM.  

Huwa fakkar li bħalissa għaddejjin ukoll diskussjonijiet li jitrattaw l-għoti ta' tankijiet u armamenti lill-Ukrajna biex tkompli l-ġlieda tagħha u saħaq illi din is-sena jista' jkollna sitwazzjoni fejn ir-Russja teskala l-gwerra.  

Il-gazzetta tinnota kif allura l-affarijiet mhumiex se jibqgħu l-istess, fi kliemu stess, u allura t-tbassir ekonomiku ma huwiex korrett.  

Huwa jisħaq illi minn naħa l-oħra tal-argument, l-għajnuna lill-Ukrajna biex tiddefendi lilha nnifisha trid tibqa' tingħata. Fakkar ukoll li l-UE issa hija alleat f'din il-gwerra, għalkemm kompla jgħid ukoll li l-UE tiddependi mill-appoġġ Amerikan biex tkun tista' tagħti l-assistenza, xi ħaġa li fil-fatt semma Vital Zammit il-ġimgħa l-oħra ma' din il-gazzetta wkoll.  

Flores ifakkar ukoll li l-inflazzjoni għadha għolja u qed togħla u li wieħed irid jara kif il-Bank Ċentrali se jirrispondi għaliha, jekk hux billi jnaqqas is-somanda tal-ekonomija billi jogħlew ir-rati tal-interess. 

Fondi għall-Militar? Mhux possibbli mill-Baġit tal-UE 

Jara li din is-sena se jkun hemm militarizzazzjoni tal-UE u allura aktar fondi li jmorru għall-għan tad-difiża? 

L-ekonomista jiċċara li l-affari mhix daqstant sempliċi. Ifakkar li l-fondi ewropej li nħallsu bħala Stati Membri lill-Unjoni Ewropea ma jistgħux imorru għall-finanzjament tal-militar u jfakkar li dan it-Trattat tal-Unjoni Ewropea jgħidu bl-aktar mod ċar. Jispjega kif il-flus li jintefgħu fil-militar imorru lilhinn minn dak li tħallas l-UE. Fil-fatt fondi għall-militar jidħlu fil-European Peace Facility li jmur lilhinn mill-baġit ewropew u li għadu kif kien miżjud b'aktar flus. "Huma erba' pajjiżi li ma jħallsux flus li direttament imorru għall-armi letali: Malta, l-Irlanda, Ċipru u l-Awstrija. Dan ifisser li l-flus li nagħtu aħna jmorru biss għal uniformijiet jew materji umanitarji."  

Dwar dan il-punt temm ifakkar li l-Unjoni Ewropea għandha dik li sejjaħ "defiċit ta' sigurtà fejn jirrigwarda l-militar." 

U finalment mistoqsi dwar liema jħoss li huma l-akbar sfidi li se tkun qed tiffaċċja l-Unjoni Ewropea matul l-2023 b'rabta mal-gwerra huwa semma' s-sigurtà tal-fornitura tal-ikel, l-għajnuna umanitarja u l-kriżi fil-klima.  

Dwar il-fornitura tal-ikel huwa qal li l-isfida hija kemm ewropea imma anke Afrikana, fejn in-nuqqas ta' ikel - anke frott tal-kriżi fil-klima - hija waħda kbira. Sitwazzjoni li tista' tkompli twassal għal aktar immigrazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea. Marbuta magħha hemm l-għajnuna umanitarja, għaliex jekk din se tkun aktar ridirezzjonata lejn l-Ukrajna, ikun ifisser inqas għajnuna għal pajjiżi Afrikani, bil-konsegwenzi kollha ta' dan.  

U finalment hemm il-qalba ekonomika għal waħda ħadra fi żmien meta mal-perfiferija tal-UE għaddejja gwerra.  

More in Barranin