Putin u r-Russja mbenġla sew imma mhux mirbuħa... Ħarsa lejn sena ta' gwerra
F'dan l-ewwel artiklu dwar l-anniversarju ta' sena mill-bidu tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna l-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn l-aggressur, kif laqtuh is-sanzjonijiet, id-daqqiet kbar li qalgħet l-ekonomija Russa u kif minkejja kollox Putin mhux se jċedi l-armi...
minn Albert Gauci Cunningham
Għaddiet sena minn meta bdiet gwerra li weħħlet lid-dinja mas-settijiet tat-TV u l-mowbajls, li qajmet l-irwiefen politiċi u li waslet għal impatt ekonomiku qawwi u inċertezza li ftit kellhom aptita wara xhur ta' pandemija u restrizzjonijiet.
Iżda minflok sempliċiment ħarsa lejn dak li ġara u lejn l-istqarrijiet iebsin ġejjin mill-UE u l-mexxejja tagħha, il-gazzetta ILLUM se tagħti ħarsa lejn l-aggressur. Lejn l-istat li fih jinsab il-pajjiż li fih l-għeruq imperjalisti u x-xewqa tad-dominazzjoni politika għadhom jixgħelu ħomor nar, tant li attakka pajjiż ġar biex jieħdu taħt idejh.
Sanzjonijiet iebsa... Imma kellhom effett?
Bħala effett tal-gwerra l-Unjoni Ewropea bdiet sanzjonijiet kontra r-Russja primarjament it-twaqqif jew it-tnaqqis tax-xiri tal-gass.
Tajjeb infakkru li r-Russja hija t-tieni l-akbar produttur tal-gass, wara l-Istati Uniti, u bħala pajjiż jipproduċi 761 biljun metru kubu (bcm) ta' gass, li jirrapreżenta 18% tal-produzzjoni internazzjonali tal-gass. Intant iżda r-Russja hija l-akbar esportatur tal-gass b'250 biljun metru kubu esportati fl-2021 u 210 biljun fil-pipelines. Dan apparti, li ir-Russja tesporta 40 biljun metru kubu ta' gass naturali (LNG) biex huwa r-raba' l-akbar esportatur wara l-Awstralja, il-Qatar u l-Istati Uniti.
Intant ir-Russja forniet 32% tal-gass li kellha bżonn l-UE fl-2021.
Kien f'Marzu 2022 li l-Kummissjoni Ewropea żvelat il-pjan RePowerEU, sabiex titnaqqas id-dipendenza ewropea fuq il-gass Russu wara li dan il-pajjiż invada lill-Ukrajna mingħajr ma kien ipprovokat b'ebda mod.
Dan apparti numru ta' sanzjonijiet approvati bil-qawwi mill-Parlament Ewropew.
Fost dawn hemm l-iffriżar tal-assi u restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar kontra 1,386 individwu u 171 entità, fosthom Vladimir Putin, Sergey Lavrov, il-futboler Roman Abramovich, membri oħrajn tal-oligarkija Russa, il-midja, negozji u anke banek. Dan apparti li kull stazzjon Russu li jittrażmetti fl-UE ġie mwaqqaf milli jagħmel dan, fosthom Sputnik u Russia Today.
Dan apparti sanzjonijiet ekonomiċi kontra r-Russja, fosthom il-projbizzjoni tal-faħam, żejt u petrol mir-Russja, projbizzjoni ta' banek mis-sistema SWIFT u l-projbizzjoni ta' importazzjoni lejn l-UE ta' plastik, injam, siment, ħadid u deheb. L-UE ordnat ukoll il-projbizzjoni ta' tagħmir lejn ir-Russja, fosthom dak tekonoloġiku.
Pajjiżi, bħal Malta, kellhom iwaqqfu skemi ta' ċittadinanza b'investiment jew privileġġjata lil ċittadini Russi u dawk mill-Belorussja.
Dan apparti li mill-Ħadd li għadda daħlu fis-seħħ ukoll sanzjonijiet fuq ix-xiri ta' dijżil mir-Russja. Dawn is-sanzjonijiet kienu magħmulin biex ikissru u jdgħajfu l-ekonomija u s-saħħa ekonomika Russa.
Imma qed iħallu effett?
L-ekonomija: Minn tkabbir qawwi għal 'taħt iż-żero'
Ċifri uffiċjali mir-Russja stess juru kif il-pajjiż - f'Settembru 2022 - kien qed jiffaċċja inflazzjoni annwali ta' 17.1%, tnaqqis ta' bejn 8% u 9% fil-bejgħ bl-imnut, tnaqqis ta' 83.5% fil-bejgħ tal-karozzi u previżjonijiet ta' tnaqqis ta' 7.8% fil-Prodott Gross Domestiku għall-2022.
Minkejja dan il-Bank Ċentrali Russu qal f'Diċembri li l-ekonomija Russa ċkienet biss b'3%, b'Janis Kluge mill-German Institute for International and Security Affairs (SWP) jgħid illi għalkemm l-ekonomija Russa ma fallietx wieħed għadu ma jistax jgħid illi dan huwa finali hekk kif l-effetti tas-sanzjonijiet huma realtà kurrenti.
Fakkar li l-previżjonijiet għall-ekonomija Russa qabel il-gwerra kienu tkabbir ta' 6%, li allura jfisser li l-ekonomija Russa hija kważi 10% inqas milli previst grazzi għas-sanzjonijiet.
Biex nagħtu eżempju. Skont ċifri mis-sit tal-istatistika Statista 2023 - li kien tant segwit fi żmien il-pandemija - f'April u Mejju 2021 it-tkabbir ekonomiku Russu sploda għal aktar minn 11% imma mbagħad f'Ġunju 2022 - u allura f'nofs il-gwerra - it-tkabbir kien ta' -5.1%. Dan ifisser li l-ekonomija ċkienet b'16% meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena ta' qabel.
L-esportazzjoni taż-żejt: Daqqa ta' ponn lill-ekonomija ta' Putin
Skont l-International Monetary Fund il-pajjiż - kif mistenni - ra kemm l-importazzjoni u anke l-esportazzjoni jieħdu tisbita qawwija l'isfel. Fil-fatt minn 14.7%, l-importazzjoni naqset għal 5.6% u l-esportazzjoni ħadet daqqa akbar, minn 2.5% għal -3%.
Iktar minn hekk, l-inflazzjoni - skont l-istess IMF - splodiet minn 6.7% fl-2021 għal 13.8% fl-2022, allura wara li kienet bdiet il-gwerra.
Kien il-Ministru tal-Finanzi Russu Anton Siluanov li qal illi l-passi li ħadet l-Unjoni Ewropea, l-Awstralja flimkien mal-pajjiżi kollha tal-G7 fir-rabta mal-prezz taż-żejt qed iwasslu biex jonqos sew id-dħul Russu mill-esportazzjoni. Il-pajjiżi tal-G7 huma l-Kanada, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Ġappun, l-Istati Uniti u l-Kanada. Siluanov qal li dan se jfisser li r-Russja tkompli żżid id-defiċit.
L-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija qalet f'Diċembru li għadda li r-Russja kienet rat id-dħul tagħha mill-esportazzjoni jonqos b'$700 miljun.
U l-munita Russa?
Il-munita Russa (Russian Ruble) niżlet għall-aktar livelli baxxi fid-29 ta' Diċmebru li għadda u kienet qed tbiegħ b'72 għal kull dollaru, tnaqqis ta' 18% f'xahar wieħed biss.
Iktar minn hekk, il-valur tal-munita Russa naqas bin-nofs, meta mqabbel ma' qabel il-gwerra anke jekk baqgħet b'saħħitha grazzi għall-miżuri tal-Bank Ċentrali Russu li rdoppja r-rati ta' interess, daħħal kontrolli kapitali u ġiegħel lill-esportaturi jikkonvertu 80% tad-dħul tagħhom f'Rubles.
L-industrija tal-karozzi taqla' xebgħa
Pero' jekk ir-Russja kienet esportatur kbir taż-żejt, huwa pajjiż ukoll li għandu suq b'saħħtu ħafna tal-bejgħ tal-karozzi. Is-sit Reuters irraporta fit-12 ta' Jannar li għadda li l-bejgħ tal-karozzi naqas b'67% fl-2022, skont l-Association of European Businesses (AEB). Din hija l-agħar sena għal dan is-settur mill-1991, meta kkrollat l-Unjoni Sovjetika.
Diversi produtturi tal-karozzi fir-Russja ssospendew il-produzzjoni għal xi żmien is-sena l-oħra, filwaqt li sabu diffikultajiet jiksbu l-parts jew jespandu n-negozju lilhinn mir-Russja. Dan apparti li kumpaniji kbar bħal Renault telqu mis-suq Russu.
Minkejja dan, l-industrija qed tara illi l-bejgħ xorta se jerġa' jiżdied din is-sena bi 12%, għalkemm jibqa' inqas minn nofs il-1.6 miljun karozza li kienu nbiegħu fl-2021.
Imma Putin għadu 'l bogħod minn mirbuħ!
Minkejja d-daqqiet kollha mis-sanzjonijiet huwa ċar li Vladimir Putin huwa 'l bogħod minn mirbuħ u artiklu din il-ġimgħa stess f'The New York Times irrapporta kif minkejja kollox Putin irnexxielu jirridirezzjona l-esportazzjoni taż-żejt lejn l-Ażja - speċjalment iċ-Ċina, it-Turkija u l-Indja u "jadatta skemi ta' evażjoni pperfezzjonati mill-alleati tar-Russja, l-Iran u l-Venezwela."
Skont l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, n-negozju taż-żejt bejn ir-Russja u l-Indja żdied b'16-il darba għal total ta' 1.6 miljun barmil kuljum f'Diċembru.
Din il-ġimgħa wkoll Sky News irrapportat membru tas-Servizzi ta' Intelliġenza tal-Estonja jgħid illi Putin mhux se jkollu nuqqas ta' armi u li huwa jemmen "li jista' jibumbardja lill-Ukrajna fuq il-mejda tan-negozjati."
Ir-rapport ta' dan l-ispija Estonjan bl-isem 'International Security and Estonia 2023' jgħid illi l-Gvern ta' Putin se jkompli jimmobilizza bit-tama li l-ewwel li "jgħejjew" jkunu l-Ukreni u l-Unjoni Ewropea. Putin diġà mmoblizza madwar 300,000 persuna għall-ġlied.
Għalfejn Putin ma jridx iċedi?
Ikun hemm min jistaqsi imma b'telfiet u taħt il-pressjoni ekonomika, għaliex Putin ma jridx iċedi?
Risposta pjuttost interessanti u li fiha x'tomgħod ingħatat f'The Gaurdian, f'artiklu miktub minn Olga Chyzh, intitolat: "When will Putin give up Ukraine? Only when his inner circle forces him to stop."
Hija twieġeb il-mistoqsija hekk: "Għax Putin jopera taħt realtajiet istituzzjonali differenti mill-avversarji tiegħu fil-Punent, li biex jibqgħu fil-poter jridu jirbħu l-appoġġ ta' parti sostanzjali mill-poplu. Il-kontinwità tal-poter ta' Putin jżomm fuq l-appoġġ ta' ftit nies meqjusa bħala elit, li jiddependu fuqu għal pożizzjonijiet tagħhom."
Olga Chyzh - Professur fid-Dipartiment tax-Xjenza Politika fl-Università ta' Toronto - tisħaq illi dawn l-elit, mhux biss jaqblu mal-gwerra imma jridu u qed jgħajtu għall-eskalazzjoni tagħha fid-dawl tal-politika imperjalista tal-Kremlin, illum taħt Putin u minn ħafna qablu.
L-istorja tal-gwerra fl-Ukrajna, jidher għalhekk, li għad fadlilha ħafna kapiltli x'jinkitbu!