Jidher li serje ta' diżastri naturali qed ifeġġu f'partijiet differenti tad-dinja, l-ewwel it-Turkija u s-Sirja u issa f'New Zealand. Dan hekk kif New Zealand qed taffaċċja ċ-ċiklun Gabrielle, deskritt bħala l-agħar ċiklun li qatt affaċjaw fl-aħħar 100 sena.
Fil-fatt il-Gvern iddikkjara stat ta' emerġenza hekk kif l-għargħar qed jipperikola l-ħajjet tan-nies, b'uħud li spiċċaw maqbudha f'darhom filwaqt li oħrajn li spiċċaw bla saqaf fuq rashom. Sa llum, mijiet kellhom jevakwaw minħabba biża' għal ħajjithom.
"Is-severità u d-danni li rajna, kawża taċ-ċiklun Gabrielle, konna għadna qatt ma esperjenzajnihom f'din l-ġenerazzjoni. Ma nafux l-impatt kemm se jkun sinifikanti jew kemm se tinfirex," qal il-Prim Ministru Chris Hipkins, li ġie riċentament maħtur.
Intant l-awtoritajiet lokali saħqu li għad hemm żoni li ma jistgħux jilħquhom hekk kif kull mezz ta' kommunikazzjoni ġew milquta.
F'żona partikolari, magħrufa bħala Hawkes Bay, diversi nies kellhom jitilgħu fuq il-bejt għal refuġu. Mara oħra li tkellmet ma' The Guardian qalet li bintha kellha toħroġ mit-tieqa ta' kamritha u tgħum lejn partijiet siguri. Dan filwaqt li kien hemm oħrajn li kienu maqbuda fuq il-bejt hekk kif huma ma setgħux jitilqu u jfittxu s-sigurtà filwaqt li ħaddiema tal-protezzjoni ċivili ma setgħux jilħquhom għax it-toroq kienu mimlijja ilma.