'Il-libertà se tirbaħ. Il-paċi se tirbaħ. Intom se tirbħu' - Metsola lil Zelenskyy fi Brussell

Mument storiku hekk kif il-Mexxej Ukren jintlaqa' fil-Parlament Ewropew u fiżikament jindirizzah għall-ewwel darba

Volodymyr Zelenskyy
Volodymyr Zelenskyy

F'mument storiku illum hekk kif il-Mexxej Ukren Volodymyr Zelenskyy kien qiegħed fiżikament preżenti, għall-ewwel darba, fil-Parlament Ewropew il-President tal-istess Parlament Roberta Metsola sostniet li dan huwa mument straordinarju, fi żmien straordinarju. 

Metsola faħħret it-tmexxija tiegħu fid-dawl tal-invażjoni Russa u sostniet illi Zelenskyy kien ta' ispirazzjoni għad-dinja kollha. 

"Meta d-dinja taħseb fl-Ukrajna tkun qed taħseb f'dawk l-eroj li jiġġieldu kontra l-kurrent, id-David li rebaħ lil Gulija... Jaħsbu fil-ġellieda ta' Mariupol, u dawk li ħelsu lil tant bliet u rħula okkupati," sostniet Roberta Metsola. Hija qalet illi mill-ġdid permezz tat-terromot fit-Turkija u s-Sirja, l-Ukrajna mal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea urew is-solidarjetà u taw l-għajnuna. Qalet illi bl-istess mod hija kburija li l-UE u l-membri tal-Parlament Ewropew kienu maġenb l-Ukrajna fil-mument tal-bżonn. 

"Aħna nifhmu li intom qed tiġġieldu mhux biss għal valuri tagħkom imma għall-valuri tagħna lkoll. Għal dawn l-ideali li jgħaqqduna flimkien bħala aħwa," qalet Metsola għall-approvazzjoni kontinwa ta' dawk preżenti. 

Metsola mill-ġdid wegħdet illi se tara li jkun hemm ir-rieda politika sabiex jinfetħu t-toroq ta' kummerċ u li t-triq għad-dħul tal-Ukrajna fl-UE. "Bil-fondi mingħand in-nies, bl-għajnuna fir-rikostruzzjoni, bit-taħriġ tat-truppi u bit-tagħmir militari u ta' difiża, intom hemm bżonn li tirbħu. U issa l-Istati għandhom jikkunsidraw, bl-aktar mod spedit, li jipprovdu sistemi u armi li għandkom bżonn biex tipproteġu lilkom infuskom."

Il-President Roberta Metsola sostniet li r-rispons tal-UE għandu jkun proporzjonat mat-theddida li ddeskriviet bħala "eżistenzjali." Kien hawn li semmiet lil Malta u l-istorja tal-ajruplani Faith, Hope u Charity. 

Hija temmet tgħid li l-Parlament Ewropew u l-membri tiegħu jridu jassiguraw rebħa u paċi reali, ibbażata fuq pjan, kontabilità minn dawk li wettqu r-reati u l-protezzjoni tal-libertajiet għall-Ukreni kollha. 

"Il-Libertà se tirbaħ. Il-Paċi se tirbaħ. Intom se tirbħu," temmet tgħid Metsola għall-applaws kbir tal-Membri Parlamentari Ewropej preżenti. 

 

More in Barranin