Il-Maltin: L-aktar interessati fl-elezzjonijiet ewropej, l-aktar infurmati dwarha u l-aktar li jitkellmu dwar il-politika
Madwar l-UE huwa ċar ukoll li l-interess f'dawn l-elezzjonijiet ivarja sew skont ix-xogħol, id-dħul u l-opinjoni dwar il-Parlament Ewropew innifsu
minn Albert Gauci Cunningham
Minkejja l-apatija li xi kultant tinħass li qed tiqliel fil-pajjiż u minkejja li "jiena mhux se nivvota" hija stqarrija li saret dejjem aktar tinstema' l-Maltin jibqgħu l-aktar poplu interessat fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, l-aktar li jaf eżatt meta ser issir u fost l-aktar li probabbilment se jivvotaw meta tasal l-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-2024. Il-Maltin huma wkoll l-aktar poplu ewropew li jitkellem fuq il-politika li titratta l-ewropa mill-popli kollha ewropej.
Fil-fatt sondaġġ tal-ewrobarometru juri illi l-Maltin b'71% huma l-aktar poplu fl-Unjoni Ewropea li jinteressaw ruħhom fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew segwiti mill-Irlandiżi b'66% u l-Olandiżi b'66% ukoll. Dan huwa ħafna aktar mill-medja fl-UE fejn kienu 54% li qalu illi jinteressaw ruħhom f'dawn l-elezzjonijiet, bl-inqas poplu li qed juri interess huwa dak Bulgaru b'40% biss flimkien mal-Isloveni b'40% ukoll u segwiti mill-Islovakki (45%) u l-Griegi (44%).
Madwar l-UE huwa ċar ukoll li l-interess f'dawn l-elezzjonijiet ivarja sew skont ix-xogħol, id-dħul u l-opinjoni dwar il-Parlament Ewropew innifsu.
Nisa u irġiel tad-dar kienu l-aktar li qalu illi ma jsegwux materji politiċi li jkunu għaddejjin fil-Parlament b'62% segwiti mill-ħaddiema tal-idejn (51%) u anke l-istudenti (52%). Maġġoranza assoluta, jew 56% ta' dawk li jkollhom diffikultà biex iħallsu l-kontijiet matul is-sena qalu li ma jsegwu xejn dwar l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, ikkumparat mal-61% ta' dawk li qatt ma jkollhom problemi jħallsu li qalu illi fil-fatt isegwu ħafna.
Dan juri biċ-ċar illi fejn ma hemmx problemi jew sfidi i jitrattaw il-but, in-nies forsi iktar għandhom lussu illi jsegwu dak li jkun qed jseħħ fil-politika, inkluż dak li jitratta politika ewropea.
Il-parteċipanti f'dan is-sondaġġ kienu mistoqsija wkoll jekk meta jkunu ma' ħbieb u qraba jitkellmux ta' spiss dwar il-politika ewropea bi 30% tal-Maltin iwieġbu fil-pożittiv, li huwa l-akbar persentaġġ minn fost il-popli ewropej kollha, apparti li jisinjifika l-akbar żieda ta' 19%. L-Olandiżi jiġu warajna b'27% u warajhom il-Griegi b'25%, anke jekk fiż-żewġ każi l-persentaġġ naqas u mhux żdied bħal ta' Malta.
L-inqas popli li jitkellmu dwar il-politika ewropea ma' sħabhom huma l-Isloveni b'7% biss u l-Portugiżi b'9% biss.
Imma kemm huwa importanti li tivvota fl-2024?
Imma li tivvota fl-elezzjoni huwa importanti? Tagħmel differenza?
Hawnhekk il-Maltin ma jibqgħux mal-pajjiżi bl-ogħla persentaġġi li jfisser illi filwaqt li l-Maltin huma interessati f'din l-elezzjoni jarawha ħafna inqas importanti, probabbilment għax f'din l-elezzjoni ma jinbidilx Gvern u ħafna drabi hija meqjusa bħala elezzjoni "mid-term".
Minkejja dan, maġġoranza xorta jħossu li din hija elezzjoni importanti ħafna b'43%, ħafna inqas mid-Daniżi (71%), l-Isvediżi (68%), l-Irlandiżi u l-Olandiżi - it-tnejn 63%. Fuq in-naħa l-oħra hemm l-Islovakki li l-inqas iħossu li din xi elezzjoni importanti ħafna b'26% biss.
Is-sondaġġ tal-Ewrobarometru staqsa wkoll kemm huwa probabbli li l-popli ewropej jivvotaw kieku kellha ssir l-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew matul dik il-ġimgħa. Kienu 67% tal-Ewropej li wieġbu fil-pożittiv, tnaqqis ta' 4% meta mqabbel mas-sondaġġ sitt xhur qabel (April/Mejju 2022). Kienu 18% tal-Ewropej li qalu illi probabbilment ma jivvotawx.
U l-Maltin, x'qalu?
Huma 70% tal-Maltin li qalu illi kieku ssir elezzjoni tal-Parlament Ewropew issa, jivvotaw, li għalkemm hija mal-aktar fl-Unjoni Ewropea hija wkoll tnaqqis ta' 9% f'dan is-sondaġġ meta mqabbel ma' ta' qablu.
L-aktar popli li qed jindikaw li ħerġin bi ħġarhom huma l-Isvediżi (85%), l-Olandiżi (83%) u d-Daniżi (82%).
Minn naħa l-oħra l-inqas entużjasti huma l-Estonjani b'49% biss u fejn mqabbel mas-sondaġġ ta' qabel kien hemm tnaqqis ta' 12%. L-istess persentaġġ ta' tnaqqis kien fost iċ-Ċiprijotti fejn 51% - maġġoranza assoluta - qalu illi kieku ssir elezzjoni tal-Parlament Ewropew matul issa jivvotaw.
Mill-ġdid l-inqas persuni li qed juru ħeġġa biex joħorġu jivvutaw huma dawk li għandhom sfidi finanzjarji. Għalhekk 31% ta' dawk bla impjieg qed jgħidu li ma jivvotawx kieku ssir elezzjoni tal-Parlament ewropew issa, persentaġġ li jitla' għal 34% fost dawk li għandhom ħafna diffikultà biex iħallsu l-kontijiet u 22% fost iż-żgħażagħ.
L-aktar ewropej li huma mħeġġa biex imorru jivvutaw huma l-anzjani (70%), dawk li għandhom edukazzjoni terzjarja (78%), dawk fi grad ta' Managers (80%) u dawk li fis-sondaġġ irrispondew li kważi qatt jew qatt ma jkollhom problemi biex iħallsu kontijiet (73%)
B'51% il-Maltin kienu l-aktar li taw risposta korretta meta mistoqsijin meta ser issir l-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, ikkumparat ma' Franza fejn 9% biss taw risposta korretta.
Malta demokratika biżżejjed?
U finalment inħarsu lejn id-demokrazija. Mhux l-ewwel darba li smajna waqt diversi protesti kontra l-Gvern li Malta mhix pajjiż demokratiku jew inkella li d-demokrazija hija mhedda. Imma l-poplu x'jidhrlu?
Maġġoranza qawwija ta' 70% tal-Maltin, fost l-aktar fl-Unjoni Ewropea fil-fatt - huma sodisfatti bil-livell demokratiku ta' pajjiżna. Jaqbżuna hemm id-Daniżi (89%), il-poplu tal-Lussemburgu (85%), l-Irlandiżi (84%), il-Finlandiżi (83%) u l-Isvediż (82%).
L-aktar nies li ma huma kuntenti xejn bl-istat demokratiku huma l-Islovakki (31%), il-Bulgari (34%) u l-Griegi (34%).
U dwar id-demokrazija fl-UE x'naħsbu?
72% tal-Maltin huma kuntenti ħafna bil-mod kif id-demokrazija qed taħdem fl-Unjoni Ewropea li fil-fatt ipoġġina ma' dawk fuq quddiemnett.
Il-Griegi, fil-maġġoranza assoluta tagħhom, b'61% ma huma kuntenti xejn bil-mod kif qed taħdem id-demokrazija, segwiti miċ-Ċiprijotti u l-Islovakki fejn 52% ma huma kuntenti xejn bid-demokrazija fl-UE.