Revoluzzjoni ġdida? Miljun ċittadin Franċiż joħroġ jipprotesta kontra estensjoni fl-età tal-irtirar

Macron irid ir-riforma biex isalva s-sistema tal-pensjoni iżda l-unjins jgħidulu li jista' jagħmel dan billi jintaxxa lis-sinjuri 

Eluf ta' Franċiżi huma mistennija li jerġgħu jipprotestaw bħala strajk kontra l-pjan tal-President Emmanuel Macron li jestendi l-età tal-irtirar b'sentejn, jiġifieri għal 64 sena. Midja Franċiża irraportat li fl-ewwel strike li organizzaw il-Franċiżi, fid-19 ta' Jannar, aktar minn miljun ċittadin ħareġ fit-toroq Franċiżi bħala protesta kontra r-riforma tal-pensjonijiet. L-aħħar protesta fuq dik l-iskala kienet meta l-eks President Nicolas Sarkozy estenda l-età tal-irtirar minn 60 għal 62, fl-2010.

Macron spjega li din ir-rifroma hija "vitali" biex tiżgura li s-sistema tal-pensjoni tibqa' taħdem u li jekk l-età ta' irtirar tiġi estiża b'sentejn jiġi iġġenerat €17.7 biljun f'kontribuzzjoni għall-pensjoni u għaldaqstant mill-2027 'l quddiem ma jibqax ikun hemm telf (break even). Minkejja dan, l-unjins tal-pajjiż saħqu li hemm modi differenti biex isir dan, inkluż li jiġu ntaxxati n-nies bi dħul għoli jew jikkontribwixxu aktar l-impjegati u l-pensjonanti sinjuri. 

Intant Macron saħaq li hemm bżonn li l-Franċiżi jaħdmu aktar u li din ir-riforma hija essenzjali "meta nikkomparaw lilna nfusna mal-bqijja tal-Ewropa. Il-bidliet li jridu jsiru huwa biex insalvaw is-sistema ta' pensjonijiet fi Franza." 

Min-naħa tagħha l-Prim Ministru Elisabeth Borne qalet li l-età tal-irtirar li tkun ta' 64 mhix negozjabbli, iżda l-Gvern qiegħed jesplora modi ta' kif inaqqas l-impatt, partikolarment fuq in-nisa u l-ommijiet għax dawn ikollhom żvantaġġ fuq l-irġiel jekk ikunu waqfu l-karriera temporanjament biex irabbu lil uliedhom. 

Sondaġġi lokali wkoll qed jindikaw li l-maġġoranza taċ-ċittadini qed jopponu din ir-riforma. Fil-fatt, is-Segretarju Ġenerali tal-Konfederazzjoni Franċiża u Demokratika tal-Ħaddiema (CFDT), Mylene Jacquot qalet lil Reuters li, "ikun perikoluż, min-naħa tal-Gvern, jekk ma jismax minn oppożizzjoni daqstant kbira u qawwija." 

Intant it-trasport pubbliku, l-iskejjel u s-settur tal-enerġija se jkunu qed jiġu milquta mill-azzjonijiet industrijali ta' illum. Dawn jinkludu wkoll tal-linja, ferroviji u trams bejn Pariġi u Nizza. L-unjin tal-għalliema ewlenija qalet li madwar 50% tal-għalliema tac-childcare centres u tal-iskola primarja se jkunu qed jipparteċipaw f'dan l-istrajk ukoll. 

More in Barranin