Il-mafjuż Matteo Messina Denaro arrestat wara 30 sena jaħrab mill-ġustizzja

Fl-2002 huwa ngħata għomru l-ħabs talli ħataf, ittortura u qatel lil iben informant mill-mafja u l-qtil ta' Giovanni Falcone u Paolo Borsellino

Matteo Messina Denaro, dak li xi darba kien meqjus bħala wieħed mill-aktar kriminali imfittxija fid-dinja, jinqabad wara 30 sena jaħrab mill-ġustizzja. Denaro ġie arrestat fil-klinika privata "La Maddalena" f'Palermo. 

Pass importanti li wassal biex inqabad wara dawn is-snin kollha kien permezz tal-avvanzi fit-tekoloġija, bl-intelliġenza artifiċjali. Fis-snin 80 u 90 ma kienx hemm daqstant ritratti tal-Denaro, dan apparti dak li jkun jinbidel ferm fi 30 sena. Għaldaqstant permezz tal-intelliġenza artifiċjali, kif ukoll bl-għajnuna tal-informazzjoni li ngħatat minn membri tal-mafja stess, inħoloq ritratt ta' kif jidher Denaro f'età aktar avvanzata (age progression). 

Informanti tal-Mafja qalu li Denaro għamel kirurġija plastika biex jibqa' moħbi filwaqt li oħrajn qalu li neħħa l-fingerprints għal tal-apposta. 

Tajjeb li ngħidu li t-tfittxija għal Denaro, minkejja li damet mhux ħażin, qatt ma waqfet anke jekk kulldarba li kienu viċin ħafna li jaqbduh kien jerġa' jisparixxi. 

Sena wara sena l-pulizija ħaditlu negozji u arrestat aktar minn 100 persuna li kienet taħdem għalih inkluż kuġini, neputijiet u aħwa. Dan għamluh bil-għan li jaqtgħu l-kuntatt li kellu mal-familja li kienet qed tgħinu jinħeba u tipproteġiħ.

Mhux il-pulizija biss kienet ħerqana li dan jinqabad, tant hu hekk, li qed jiċċirkola filmat tan-nies fit-triq iċapċpu malli lemħu lill-carabinieri. 

Rolex, ilbies eleganti u nuċċali tar-Rayban... Il-ħajja ta' lussu ta' wieħed mill-ikbar kriminali

Minkejja li kien qiegħed jgħix fil-moħbi, skont avukati tal-Prosekuzzjoni, Denaro xorta kien qiegħed jgħix ħajja ta' Re permezz ta' politiċi u negozjanti. Fil-fatt huwa kien magħruf li jilbes ilbies eleganti, b'rolex u nuċċali tar-Rayban. 

Iżda min hu Matteo Messina Denaro? Denaro kien ftaħar li mela ċimiterju bin-nies li kien qatel u kien magħruf fid-dinja tal-mafja bħala l-Kap tal-Kapijiet tal-Mafia. Fl-2002 huwa ngħata għomru l-ħabs| (in absentia) fuq diversi każi ta' qtil, inkluż dawk ta' Giovanni Falcone u Paolo Borsellino fl-1992, tal-attakki bomba f'Milan, f'Firenze u f'Ruma fl-1993 u talli ħataf, ittortura u qatel lil iben membru tal-mafia, li kien qed jgħaddi informazzjoni lill-pulizija, li kellu biss 11-il sena. Dawn huma fost numru ta' akkużi oħra inkluż traffikar ta' droga u ħasil ta' flus. 

More in Barranin