Jum 327 tal-gwerra Ukrena : Putin jgħid li 'kollox miexi sew mal-pjan'

35 persuna sfat mejta minn attakk Russu f'blokka residenzjali f'Dnipro, fl-Ukrajna

Kaos f'Dnipro jħalli diversi fatalitajiet. Ritratt meħud minn: Valentyn Reznichenko/Telegram/Reuters
Kaos f'Dnipro jħalli diversi fatalitajiet. Ritratt meħud minn: Valentyn Reznichenko/Telegram/Reuters

Il-Gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja dalwaqt se tagħlaq sena minn meta bdiet iżda l-attakki ma waqfux, anzi skont il-President Vladimir Putin, "kollox miexi sew mal-pjan". Huwa qal hekk waqt programm fl-istazzjon Nazzjonali li "l-operazzjoni militari speċjali ħallew żviluppi pożittivi." 

Intant fis-sigħat bikrin ta' dalgħodu ġie ikkonfermat li mietu 35 persuna kawża ta' missila Russa li waqgħet f'blokka residenzjali f'Dnipro, fl-Ukrajna. Filwaqt li l-Ministru għad-Difiża tar-Russja Sergei Kuzhugetovich Shoigu ma qal xejn fuq l-attakk ta' Dnipro huwa refa' r-responsabilità ta' attakki oħra u qal li r-Russja irnexxielha tilħaq il-miri tagħha. 

B'reazzjoni għall-attakk, il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy irringrazzja lil dawk kollha li b'xi mod għenu u bagħtu messaġġi ta' inkoraġġament minn madwar id-dinja, filwaqt li irrimarka fuq "is-silenzju kodard" tar-Russi dwar l-attakk ta' Dnipro. 

Min-naħa l-oħra uffiċjali Ukreni saħqu li filwaqt li mietu 35 persuna - inkluż tifla ta' 15-il sena - għad hemm 43 persuna li huma irraportati nieqsa u 73 li sfaw midruba. Is-Sindku ta' Dnipro Borys Filatov qal lil Reuters li "il-probabilità li nsalvaw lin-nies issa huwa minimu." 

More in Barranin