Tliet nisa, inkluż ħabiba tal-Prim Ministru Giorgia Meloni, inqatlu fi sparatura li seħħet ġewwa kafetterija f'Ruma, fid-distrett ta' Fidene.
Hu mifhum li fil-ħin tal-isparatura, fil-kafetterija kienet għaddeja laqgħa ta' kumitat ta' residenti li jgħixu fi blokka ta' appartamenti komuni.
Erba' persuni oħra ġarrbu xi ġrieħi.
Roberto Gualtieri, is-Sindku ta' Ruma, iddeskriva l-isparatura bħala "episodju ta' vjolenza gravi."
Is-suspettat, li għandu 57 sena, ġie arrestat u qed ikun interrogat. Hu mifhum li mhux l-ewwel darba li kellu xi jgħid ma' xi membri ta' dan il-kumitat.
Skont midja Taljana, is-suspettat inżamm minn persuni oħra li nzertaw kienu fil-kafatterija u jidher li malli daħal hu beda jgħajjat: "se noqtolkom kollha."
Il-Prim Ministru Giorgia Meloni tellgħet fuq Facebook ritratt tagħha ma' Nicoletta Golisano, waħda min-nisa maqtula. Hija ddeskrivieta bħala ħabiba li dejjem kienet tferraħ lil dawk ta' madwara u li dejjem kienet tgħożż lil uliedha.
"Mhux sew li persuna tinqatel hekk," qalet Meloni waqt li spjegat kif il-ħanut li minnu s-suspettat allegatament seraq l-arma, ingħalaq u qed ikun investigat.