Il-Pulizija Ċiniża ssegwi l-passi ta' dawk li niżlu jipprotestaw kontra r-restrizzjonijiet tal-Covid-19

Fl-aħħar jiem, iċ-Ċina rreġistrat numru rekord ta’ każi ġodda ta’ Covid-19 u dan minkejja li għadhom fis-seħħ diversi restrizzjonijiet

Il-Pulizija Ċiniża qed issegwi l-passi ta’ dawk li fl-aħħar jiem niżlu jipprotestaw fit-toroq ta’ bliet ewlenija kontra r-restrizzjonijiet tal-Covid-19.

Uħud minn dawk li attendew għall-protesti qalu li rċevew telefonati mill-pulizija biex jistaqsuhom fejn jinsabu u dettalji oħra.

Mhuwiex magħruf kif il-pulizija skopriet l-identitajiet tagħhom.

Illum, uffiċjali tal-gvern qalu li se jkunu qed iżidu r-rata li biha qed jingħata l-vaċċin lill-anzjani, anke għax ir-rati tat-tilqim għadu baxx ħafna.

Fl-aħħar jiem, iċ-Ċina rreġistrat numru rekord ta’ każi ġodda ta’ Covid-19 u dan minkejja li għadhom fis-seħħ diversi restrizzjonijiet.

Hekk kif dawn ir-restrizzjonijiet spiċċaw jiżdiedu, eluf niżlu jipprotestaw kontra l-lockdowns u kien hemm min saħanistra sejjaħ għar-riżenja tal-President Xi Jinping, xi ħaġa rari mmens għaċ-Ċina.

Madanakollu, protesti li kellhom isiru lbieraħ f’Beijing tħassru hekk kif il-pulizija assedjat il-post minn fejn kellha tibda l-protesta u arrestat diversi persuni.

Id-dimostrazzjonijiet bdew wara li nirien fi blokka ta’ appartamenti, f’Urimqi, ħallew għaxar persuni mejta. Bosta qed jisħqu li dawn mietu minħabba r-restrizzjonijiet tal-Covid-19, inkluż għax dawn il-persuni ma setgħux joħorġu.

Iċ-Ċina għandha fost l-aktar restrizzjonijiet ħarxa. Biżżejjed biex ifeġġ każ biex belt jew saħansitra żoni u anke stabbilimenti jispiċċaw jingħalqu f’lockdown.

More in Barranin