L-Ukrajna tgħid li l-attakki Russi fuq l-impjanti tal-enerġija huma attentat ta' ġenoċidju

Miljuni ta' Ukreni għadhom bla provvista tad-dawl jew inkella qed jesperjenzaw restrizzjonijiet fil-provvista u dan meta l-kesħa qed tagħmel tagħha

L-Ukrajna qed tisħaq li l-attakki kontinwi tar-Russja fuq infrastruttura tal-enerġija ma huma xejn għajr attentat ta’ ġenoċidju.

F’intervista mal-BBC, il-Prosekutur Ġenerali Ukren, Andriy Kostin, saħaq li l-attakki fuq impjanti tal-enerġija jolqtu lin-nazzjon Ukren kollu kemm hu u qed iseħħu bit-tir li l-Ukrajna ċċedi.

Miljuni ta’ nies madwar l-Ukrajna qed jesperjenzaw qtugħ fil-provvista tal-enerġija u dan meta l-kesħa bdiet tagħmel sew tagħha.

Minkejja l-ħidma li għaddejja biex il-provvista tal-enerġija tirritorna għan-normal, miljuni għadhom bla dawl fi djarhom.

Skont il-President Volodymyr Zelensky, Ukreni f’14-il reġjun, inkluż fi Kyiv għadhom qed jesperjenza restrizzjonijiet fil-provvista tal-elettriku. 

Il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda tiddeskrivi l-ġenoċidju bħala attentat biex ikun distrutt nazzjon jew inkella xi grupp etniku jew reliġjuż, fost oħrajn.

Fost l-atti, li jistgħu jikkwalifikaw bħala ġenoċidju, hemm il-qtil jew inkella attentat biex issir ħsara fuq xi grupp partikolari u anke t-trasferiment sforzat ta’ tfal ta’ grupp partikolari. 

Andriy Kostin qal li apparti l-attakki fuq l-impjanti tal-enerġija, 11,000 tifel u tifla kellhom jiġu deportati bilfors lejn ir-Russja. 

More in Barranin