Iċ-Ċina b'mewġa ġdida ta' Covid-19; Tirreġistra ammont rekord ta' każi ġodda

Dan minkejja restrizzjonijiet li għadhom fis-seħħ, uħud minnhom stretti mmens li issa n-nies bdiet tipprotesta dwarhom

Fl-aħħar 24 siegħa, iċ-Ċina rreġistrat l-akbar numru ta’ każi ta’ Covid-19 minn meta bdiet il-pandemija u dan minkejja miżuri li għadhom stretti ħafna biex il-virus ikun eliminat.

Skont l-awtoritajiet Ċiniżi, iż-żieda kienet irreġistrata f’ħafna mill-ibliet ewlenin, inkluż il-kapitali Beijing.

Fl-aħħar 24 siegħa kienu rreġistrati 31,527 każ li huwa numru rekord għaċ-Ċina. Sa issa, ir-rekord kien dak ta’ 28,000 każ, irreġistrat f’April li għadda. 

Il-każi komplew jiżdiedu minkejja li f’diversi bliet iddaħħal lockdown strett immens li bosta qed jikkritikaw u jipprotestaw dwarhom.

Il-politika Ċiniża, li telimina għal kollox il-virus, billi ddaħħal fis-seħħ lockdowns stretti fejn ikun hemm l-imxija, salvat il-ħajjiet, iżda tat daqqa kbira lill-ekonomija u anke lill-ħajja tan-nies.

Din iż-żieda fil-każi ġiet ftit ġimgħat biss wara li tneħħew xi restrizzjonijiet, inkluż it-tnaqqis fil-kwarantina.

Madanakollu, minħabba din il-mewġa ġdida, u anke hekk kif ġew irreġistrati l-ewwel imwiet wara xhur, l-uffiċjalui reġgħu qed jimplimentaw restrizzjonijiet f’diversi distretti, inkluż l-għeluq tal-ħwienet, skejjel u ristoranti, anke fil-kapitali Beijing.

Il-belt ta’ Zhengzhou se tinforza lockdown totalio għal sitt miljun resident. 

More in Barranin