Ħames persuni jinqatlu waqt sparatura fi klabb tal-komunità LGBTQ f'Colorado

Kemm il-pulizija u anke l-klabb qed jirringrazzjaw lil persuni li dak il-ħin kienu fil-klabb u poġġew ħajjithom f'riskju biex iwaqqfu liż-żagħżugħ milli jkompli jispara

Żagħżugħ ta’ 22 sena, daħal fi klabb tad-divertiment popolari mal-komunità LGBTQ f’Colorado, qabad jispara u qatel ħames persuni qabel ma’ persuni oħra li kienu fl-istess klabb irnexxielhom iżommuh.

25 persuna oħra sofrew minn xi ġrieħi.

Is-suspettat kien arrestat ftit wara u skont il-pulizija tal-lokal, huwa uża tliet armi tan-nar, inkluż rifle, li kollha kemm huma nstabu fil-klabb.

Hu mifhum li kienu żewġ persuni li kienu fl-istess klabb li marru jiġru u żammew liż-żagħżugħ milli jkompli jispara, bil-kap tal-pulizija jiddeskrivihom bħala eroj. Fil-fatt huma baqgħu jżommuh sakemm waslu l-pulizija u arrestawh.

Il-pulizija qalet li bħalissa qed ikun investigat biex ikun stabbilit jekk ir-reat huwiex wieħed ta’ mibiegħda kontra l-komunità LGBTQ.

Fi stqarrija, il-klabb qal li huwa mnikket b’dak li ġara iżda rringrazzja lil dawk kollha li kienu fil-klabb u li poġġew ħajjithom f’riskju biex iwaqqfu liż-żagħżugħ milli jkompli jispara.

More in Barranin