Daqqa għal Biden hekk kif ir-Repubblikani jirbħu l-kontroll tal-Kamra tar-Rappreżentanti

Anke jekk se jkollhom maġġoranza żgħira dan huwa biżżejjed biex jimblokkaw l-aġenda ta' Biden. Minkejja dan id-Demokratiċi żammew il-kontroll tas-Senat

Hekk kif fl-Istati Uniti għadu għaddej il-proċess tal-għadd tal-voti, wara l-elezzjonijiet tal-mid-term li saru aktar minn ġimgħa ilu, illum ġie kkonfermat li r-Repubblikani rebħu l-maġġoranza fil-Kamra tar-Rappreżentanti.

Il-maġġoranza fil-Kamra tar-Rappreżentanti għar-Repubblikani se tkun waħda żgħira, ħafna iżgħar minn kemm kien previst, iżda dan huwa biżżejjed biex iwaqqfu l-aġenda tal-President Biden għas-sentejn li ġejjin.

Minkejja dan, kif tħabbar fl-aħħar jiem, id-Demokratiċi żammew f’idhom is-Senat.

Din mhux se tkun l-ewwel darba li President Amerikan mhux se jkollu l-maġġoranza tal-Kamra. Kien hemm drabi fejn il-President ma kellu l-ebda kontroll fil-Kungress kollu.

Ir-Repubblikani kienu qed ibassru rebħa enormi u li kienu se jieħdu f’idhom il-kontroll totali tal-Kungress.

Madanakollu, minkejja li s-sondaġġi ma kienu xejn favur Biden, ir-riżultat ma kienx dak mixtieq mir-Repubblikani. Fil-fatt, ir-riżultat li kiseb Biden kien l-aqwa wieħed li President Amerikan qatt kiseb fl-ewwel elezzjonijiet tal-mid-term.

Biex partit ikollu l-maġġoranza tas-siġġijiet fil-Kamra, ried jikseb minn tal-inqas 218-il siġġu. Ir-Repubblikani kisbuh meta Mike Garcia rebaħ is-27 distrett ta’ California.

Ir-Repubblikani mistennija jkollhom bejn 218 u 233 siġġu. B’kollox, il-Kamra għandha 435 siġġu.

More in Barranin