Joe Biden jgħid li l-missili li laqtu l-Polonja x'aktarx ma ġewx sparati mir-Russja

Mexxejja internazzjonali jwissu dwar kawtela fir-rapporti u l-kummenti hekk kif jista' jkun li l-missili li laqtu l-fruntiera mal-Polonja kienu sparati mill-Ukrajna bil-għan li jilqgħu għal attakk bil-missili mir-Russja

Hekk kif ilbieraħ żewġ persuni tilfu ħajjithom, wara li xi missili waqgħu viċin il-fruntiera Pollakka mal-Ukrajna, il-mexxejja internazzjonali, inkluż il-President Amerikan Joe Biden qed iwissu għal kawtela għax jista' jkun li dawn ma kinux ġejjin mir-Russja.​

L-aħbar ilbieraħ inxterdet malajr hekk kif din kienet l-ewwel darba li l-Polonja, li hija membru tan-NATO, ġiet milquta minn missili. It-tort malajr intefa' fuq ir-Russja hekk kif fl-istess ħin, ir-Russja wettqet attakk mifrux bil-missili fuq l-Ukrajna. Dan qed ikun meqjus bħala wieħed mill-akbar attakki li r-Russja wettqt fuq l-Ukrajna.

Immedjatament, il-Prim Ministru Pollakk Mateusz Morawiecki appella għall-kalma u anke sejjaħ laqgħa urġenti tal-kunsill nazzjonali għas-sigurtà.  

Hu mifhum li l-missili waqgħu f'villaġġ li jinsab viċin ħafna tal-fruntiera tal-Polonja mal-Ukrajna. Il-villaġġ huwa Przedwodow.

Immedjatament bdew deħlin il-kundanni iżda l-mexxejja qed iwwissu għal kawtela.

Il-President Biden u s-Segretarju tal-Istat Antony Blinken immedjatament wara l-aħbar li missili waqgħu fil-Polona. Ritratt maħruġ mill-White House
Il-President Biden u s-Segretarju tal-Istat Antony Blinken immedjatament wara l-aħbar li missili waqgħu fil-Polona. Ritratt maħruġ mill-White House

Intant, filwaqt li kkundanna l-attakk li seħħ ilbieraħ fuq l-Ukrajna, il-President Amerikan Joe Biden qal li hemm informazzjoni li qed tindika li l-missili li waqgħu fil-Polonja ma kinux sparati mir-Russja. Insista li għadhom għaddejin l-investigazzjonijiet biex l-informazzjoni tkun korretta.

Fil-fatt, Associated Press qed jikkwotaw tliet uffiċjali Amerikani jgħidu li l-ewwel investigazzjonjiet juru li jista' jkun li l-missili li laqtu l-Polonja kienu sparati mill-Ukrajna stess bil-għan li jipprovaw iwaqqfu missili oħra sparati mir-Russja.

Min-naħa tagħha, ir-Russja qed tiċħad li l-missili li waqgħu fil-Polonja kienu tagħha u qed tqis dan kollu bħala "provokazzjoni biex twassal għal eskalazzjoni."

Jidher li partijiet minn dawn il-missili waqgħu f'dan il-villaġġ.

Minkejja kollox, il-mexxejja tal-G20 li bħalissa qed jiltaqgħu f'Bali kkundannaw l-attakk aħrax li r-Russja fetħet fuq l-Ukrajna lbieraħ.

More in Barranin