Elezzjonijiet Amerka | 'Trump ried jeżamina l-polz tal-poplu... u spiċċa xi ħaġa tal-passat'

Magni li ma jaħdmux, il-mewġa ħamra li ma seħħitx u Donald Trump. Clint Flores jitkellem mal-gazzetta ILLUM...

"Nemmen bis-sħiħ li r-riżultat ta’ nhar it-Tlieta li għadda kien imxekkel mill-istqarrija ta’ Donald Trump li lejlet il-vot qal li se jikkontesta l-elezzjonijiet presidenzjali li jmiss. Aktar nemmen li ried jara fejn qiegħed iħabbat il-polz tal-poplu, qabel jiddeċiedi." Hekk sostna f'kumment mal-gazzetta ILLUM l-analista politiku Clint Flores. Huwa kien qed jikkummenta dwar l-elezzjoni mid-term li saret fl-Istati Uniti, bir-riżultati u indikazzjonijiet li għadhom ħerġin. 

Flores kompla jgħid illi minkejja li Trump għamel id-dikjarazzjoni tiegħu, l-ewwel riżultati juru illi dan sar xi ħaġa tal-passat u għalkemm, "ħafna jħobbuh u kien kult għal bosta, żgur mhux eleġibbli meta tqabblu ma, per eżempju Ron DeSantis, li għandu kariżma u sens umoristiku tajjeb immens li jinżel tajjeb ma’ fazzjoni kbira tal-elettorat Amerikan," kompla jispjega. 

Ir-riżultat sa issa huwa diżappuntanti għar-Repubblikani għax huwa ferm 'il bogħod mir-rebħa kbira li kienet qed tiġi mbassra filwaqt li huwa l-aqwa riżultat li qatt kiseb President mid-Demokratiċi f'elezzjonijiet Mid-Term. Dan huwa kuntrarju għal dak li bosta bdew jiddeskrivu bħala "mewġa ħamra" - hekk kif l-aħmar jirrapreżenta l-Partit RepubblikaN u l-blu lill-Partit Demokratiku. Hemm min qed jirraġuna li dan ma ġarax propju minħabba Trump. 

'Mewġa ħamra minkejja data li kienet turi l-kontra'

Fuq dan il-punt Flores kien xi ftit kritiku tal-midja tradizzjonali iżda - midja li fil-maġġor parti tagħha tissimpatizza ħafna aktar mad-Demokratiċi u ftit li xejn ma' Trump. Huwa qal li l-midja kienet ilha tindika li ġejja din il-mewġa ħamra, "minkejja li l-maġġoranza tad-data dwar il-voti tindika qasma elettorali."

Il-President Joe Biden
Il-President Joe Biden

Flores kompla jisħaq illi analiżi indipendenti turi wkoll li r-rapporti u stejjer li ġew ippubblikati ffavorixxew ħafna aktar, lid-Demokratiċi milli lir-Repubblikani - b'85% kontra 15% f'termini ta' kopertura, jiġifieri kemm partit jingħata spazju fuq dik l-istess midja. 

Flores għalhekk qal li filwaqt illi għal ħafna nies ir-riżultat - li żgur mhuwiex "mewġa ħamra" - huwa sorprendenti, "fil-verità, għab-bażi tal-voti indipendenti, qatt ma kien hemm mewġa jew aħjar tsunami ħamra."

'Ir-Repubblikani xorta deheru lesti li jirbħu l-Kamra u s-Senat'

Madankollu Flores kompla jgħid li huwa tal-opinjoni li r-Repubblikani jidhru li kisbu l-maġġoranza u wrew ruħhom lesti sabiex jieħdu f’idejhom il-kontroll, kemm tal-Kamra anke jekk issa huwa magħruf li s-Senat se jibqa' f'idejn id-Demokratiċi

"Jekk jogħġobok innota li użajt il-kelma ‘jidhru’ u ‘lesti’. Dan għaliex l-elezzjonijiet ta’ nofs it-terminu saru nhar it-Tlieta u r-riżultati tagħhom għad iridu jiġu ffinalizzati u rrappurtati b’mod meqjus, u jien qed nwieġeb illum il-Ħamis," iċċara mal-ILLUM. 

Huwa qal illi sal-ħin li kien qed iwieġeb għalhekk jidher li r-Repubblikani se jkollhom kontroll tal-Kamra tar-Rappreżentanti, b’maġġoranza ta’ madwar 230 minn 435 siġġu. 

Huwa qal li s-Senat jista' jkun ukoll illi jispiċċa b'maġġoranza tar-Repubblikani. 

'L-Istati Uniti għandha tagħti aktar attenzjoni lill-proċess elettorali, qabel tippriedka..."

"Jekk il-Kamra u s-Senat kellhom jaqgħu f’idejn ir-Repubblikani, il-President Biden u l-Gvern tiegħu se jsibuha verament diffiċli sabiex jgħaddu kwalunkwe leġiżlazzjoni progressiva, peress li l-Kungress biss għandu l-awtorità leġislattiva," fakkar Flores, li rrimarka kif minkejja li l-Istati Uniti tipproġetta lilha nnifisha ħafna bħala ċentru ta' kif għandha taħdem id-demokrazija, ikun aħjar li ddur dawra mas-sistema elettorali. 

L-eks President Donald Trump
L-eks President Donald Trump

"Nemmen, li l-iżjed nazzjon b’saħħtu fid-dinja, u dak li jsejjaħ lilu nnifsu l-pilastru tad-demokrazija, għandu jżid l-attenzjoni fuq il-proċess elettorali tiegħu qabel jippriedka fuq ta’ ħaddieħor," qal Flores, li fakkar kif jiem wara l-elezzjoni l-Amerikani għadhom ma jafux min se jkollu f’idejh il-kontroll tal-Gvern tagħhom. 

Nuqqas ta' poloz u tagħmir li jmur żmerċ

Huwa spjega mal-ILLUM għaliex ir-riżultat qed idum daqstant u fakkar ukoll li ħafna mid-dewmien ġej minn fortizzi Demokratiċi, b’mod partikolari f’Pennsylvania u Arizona. 

F’Pennsylvania, li hi mmexxija minn Gvernatur u Segretarju tal-Istat - it-tnejn Demokratiċi - il-postijiet tal-votazzjoni ġewwa l-county ta’ Luzerne spiċċawlhom il-poloz tal-voti, filwaqt li t-tagħmir tal-elezzjoni wkoll beda jmur żmerċ. Il-kwistjoni tant kienet waħda taħraq u prevalenti li Imħallef kellu jagħti deċiżjoni li l-postijiet tal-votazzjoni għandhom jibqgħu miftuħin sal-għaxra ta’ bil-lejl. 

"Tajjeb li ngħidu li dawn il-kwistjonijiet ġraw f’County fejn il-maġġoranza tal-voti huma Repubblikani. Sabiex nagħti eżempju, fis-sena 2020 meta saru l-elezzjonijiet Presidenzjali, Luzerne għażlet lil Donald Trump b'57% tal-voti," ikompli mal-ILLUM. 

Huwa kompla jgħid li f’Arizona, ġewwa l-County Maricopa, l-ikbar minn 15-il County fl-Istat ta’ Arizona, kien irrappurtat li madwar 20% tal-magni ta’ votazzjoni tagħhom waqfu minħabba “problemi tekniċi”, bil-votanti jkunu mitluba jissottomettu l-poloz tal-voti tagħhom fil-magni mingħajr ma jkunu skennjati. 

"L-iżjed ħaġa interessanti dwar in-nuqqasijiet ta’ Arizona hi li s-Segretarju tal-Istat - li hu l-uffiċċjal pubbliku responabbli li jissorvelja l-proċess elettoral u jivverifika l-kandidati - hi Katie Hobbs, il-kandidat Demokratiku li kkontestat f’dawn l-istess elezzjonijiet għall-Gvernatur tal-Istat ta’ Arizona."

"Fl-aħħar mill-aħħar għad irridu nistennew u naraw x’se jkun ir-riżultat aħħari, biss nafu fiċ-ċert li hemm iżjed mistoqsijiet milli tweġibiet, sakemm id-dewmien se jibqa' jippersisti, " argumenta Clint Flores. 

Midja, infrastruttura elettorali u Biden

Għalhekk huwa qal li hemm tliet konklużjonijiet għalih minn dak li ħareġ sa issa mill-elezzjoni. 

Huwa qal illi l-ewwelnett il-midja "tradizzjonali" u "mainstream" (ma qalx għal min qed jirreferi) - skont hu - qed tonqos lill-elettorat amerikan meta "ipproġettat mewġa ħamra, meta l-votazzjoni indipendenti ma indikatx dan. Dan juri nuqqas ta’ preċiżjoni fir-rappurtaġġ u anke fil-veraċità tal-istħarriġ u titfa’ dubji fuq ix-xjenza tal-istħarriġ fuq l-opinjoni pubblika."

It-tieni punt li semma' huma l-problemi fl-infrastruttura marbuta mal-proċess elettorali. "Bla ma trid iqajmu mistoqsijiet bla bżonn speċjalment mill-aktar pajjiż tekonoloġikament avvanzat u sofistikat fid-dinja. Il-votanti Amerikani jixraqilhom l-aqwa infrastruttura."

U finalment Clint Flores itemm isemmi lill-President attwali, Joe Biden. Huwa qal li fis-sentejn li ġejjin se naraw lill-President Biden, "isir ftit aktar ineffettiv - aktar malajr - milli qed nistennew, peress li bit-telf taż-żewġt ikmamar tal-Kungress, se jitlef kwalunkwe saħħa li jgħaddi liġijiet mingħajr ma jkollu għalfejn jagħti l-kunsens lir-Repubblikani."

Huwa temm jinnota kif tħabbar li l-President Joe Biden ħabbar li għandu laqgħa uffiċjali mal-Mexxej Ċiniż Xijiinping fiċ-Ċina, dwar il-kwistjoni tat-Tajwan. "Nemmen, li se jkunu diskussi affarijiet lil’hinn mit-Tajwan u personalment nemmen ukoll li hu nuqqas li ma infurmawx lill-pubbliku qabel l-elezzjonjiet dwar diż-żjara, għax finalment laqgħat diplomatiċi ikunu ilhom jiġu diskussi. Ovvjament, ma tqumx l-għada tal-elezzjoni u tgħid irrid laqgħa uffiċjali. Nistennew, u naraw x’se jkun l-eżitu ta’ dil-laqgħa. Nittama li mhux dak li qed naħseb!" temm jgħid Flores mingħajr ma kompla jelabora. 

More in Barranin