Daqqa oħra għar-Russja! It-truppi Russi ordnati jirtiraw mill-belt ta' Kherson

Minkejja dan l-Ukreni mhux impressjonati u jgħidu li, 'qabel ma jkun hemm il-bandiera Ukrena ttir fuq Kherson, mhux se nitkellmu' 

Mara tintlemaħ f'villaġġ, f'wieħed mir-reġjuni ta' Kherson
Mara tintlemaħ f'villaġġ, f'wieħed mir-reġjuni ta' Kherson

Il-Ministru għad-Difiża tar-Russja Sergei Shoigu ordna lit-truppi Russi jirtiraw mill-belt ta' Kherson, li tinsab fil-punent tax-xmara Dnipro. Dan fid-dawl ta' attakki Ukreni lejn in-naħa ta' isfel ta' din l-istess belt. 

Hekk kif il-gwerra timmarka d-disa' xhur mill-bidu tagħha, il-Ġeneral Russu Sergei Surovikin - li oriġinarjament ippropona din l-ordni - qal fuq it-televiżjoni flimkien ma' Shoigu, li din ma kinitx deċiżjoni faċli iżda ma kinitx possibli li jibqgħu ifornu l-belt.

Surovikin ippropona wkoll biex id-difiża tokkupa iż-żona tal-ilvant tax-xmara. "Se nsalvaw il-ħajja tas-suldati tagħna. Ikun inutli li nħallu lis-suldati hemm meta jistgħu ikunu ta' valur f'postijiet oħra." 

Minkejja li wieħed jista' jqis din il-mossa bħala rebħa għall-Ukreni, l-Gvern Ukren huwa aktar xettiku fuq l-iskopijiet tar-Russi. 

Intant uffiċjal tal-President Ukren Volodymyr Zelensky qal li għadu wisq kmieni li jitkellmu fuq l-itirar tas-suldati minn din il-belt.

"Sakemm ikun hemm bandiera Ukrena ttir fuq Kherson, ma tagħmel l-ebda sens li nitkellmu fuq l-irtirar tas-suldati Russi," qal l-uffiċjal.

More in Barranin