Miljuni ta' Amerikani llum se jkunu qed jivvotaw f'elezzjonijiet importanti magħrufa bħala 'midterm elections' li ħafna jqisuhom bħala referendum fuq l-ewwel sentejn tal-Presidenza, f'dan il-każ ta' Joe Biden.
Dawn se jkunu qed jivvotaw għal Kamra ta' Rappreżentanti ġdida, madwar terz tas-senat u l-gvernaturi ta' wħud mill-aktar stati importanti.
Jekk ir-Repubblikani jiksbu maġġoranza fil-Kungress, kif is-sondaġġi qed jgħidu li se jiġri, dan jagħmilha aktar diffiċli għall-President Biden biex jgħaddu l-liġijiet u jwettaq ir-riformi li jixtieq.
Jekk ir-Repubblikani jirbħu s-Senat, dan jagħmilha diffiċli mmens għal Biden biex japponta fl-ogħla karigi amminstrattivi tal-pajjiż, persuni tal-għażla tiegħu.
Sa issa, id-Demokratiċi kellhom maġġoranza kemm fis-Senat u anke fil-Kungress. Hu mifhum li l-istati ta' Pennyslvania, Georgia, Nevada u Arizona se jkunu qed jiddeterminaw kollox.
Minkejja li rnexxielu jwettaq wiegħdi bħat-tnaqqis fil-prezz tal-mediċina, isaħħaħ l-enerġija nadifa u anke l-infrastruttura, il-popolarità ta' Biden naqqset drastikament minħabba l-inflazzjoni li hija l-ogħla li qatt kienet f'40 sena, fost oħrajn.
Ir-riżultat ta' din l-elezzjoni jista' jissiġġilla wkoll il-futur ta' Biden, jiġifieri jekk dan jitħallix jerġa' jikkontesta għat-tieni terminu bħala President.
Intant fl-aħħar jiem Trump kompla jikkampanja u qal li "probabbilment" se jkun qed jerġa' joħroġ għall-elezzjoni Presidenzjali. Ilbieraħ qal li fil-15 ta' Novembru se jkun qed "iħabbar xi ħaġa kbira ħafna."