Biden u Trump bl-aħħar imbutattura qabel l-elezzjonijiet importanti ta' nofs it-terminu

Dawn l-elezzjonijiet huma importanti u se jkollhom impatt dirett fuq l-aħħar sentejn tal-presidenza ta' Joe Biden qabel l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2024

Illum hija l-aħħar ġurnata sħiħa f'kampanja elettorali fl-Istati Uniti qabel l-elezzjonijiet magħrufa bħala 'mid-terms' fejn l-Amerikani qed jivvotaw għal Senat u Kungress ġdid.

Il-President Amerikan Joe Biden qiegħed jikkampanja flimkien mal-eks President Barack Obama filwaqt li l-eks President Trump ukoll qed jikkampanja f'diversi stati importanti hekk kif qed jagħti x'jifhem li se jerġa' joħroġ għall-elezzjoni Presidenzjali tal-2024.

Aktar minn 41 miljun persuna diġà tefgħu l-vot tagħhom f'din l-elezzjoni li qed issir fid-dawl ta' tħassib ekonomiku kkawżat mhux biss mill-pandemija imma anke mill-gwerra fl-Ukrajna. Dawn l-elezzjonijiet ħafna drabi huma meqjusa 'referendum' fuq l-ewwel sentejn tat-terminu tal-President Amerikan.

L-aħħar sondaġġi ta' Biden ma tantx huma pożittivi hu l-qagħda ekonomika tal-pajjiż ma tantx tidher li qed tgħinu. 

Illum Biden se jkun qed jikkampanja f'Maryland fejn id-Demokratiċi għandhom ċans kbir li jirbħu s-siġġu tal-Gvernatur mir-Repubblikani. 

Intant, Trump se jkun qiegħed jikkampanja f'Ohio. Dan huwa wieħed mill-aktar stati li fih Trump għandu appoġġ. Fl-aħħar jiem hu qal li "hemm probabbilità kbira" li jerġa' jtellaq għall-White House.

Ir-riżultat ta' din l-elezzjoni se jkollu impatt kbir fuq l-aħħar sentejn ta' Joe Biden qabel elezzjoni Presidenzjali oħra li għaliha u jista' jerġa' jikkontesta.

Bħalissa, id-Demokratiċi għandhom kontroll kemm tal-Kungress u anke tas-Senat u dan jagħmilha faċli għal Biden biex jimplimenta l-wiegħdi u l-leġislazzjoni li jixtieq. Madanakollu, jekk jitlef imqar il-kontroll ta' wieħed minn dawn, kif hemm ċans li jiġri, Biden ikollu sfida akbar.

Min ikollu kontroll tal-Kungress ikollu l-poter li jibda investigazzjonijiet importanti. Għal dawn l-aħħar sentejn, id-Demokratiċi tefgħu l-attenzjoni tagħhom fuq ir-rewwixta tas-6 ta' Jannar tas-sena li għaddiet meta partitarji ta' Trump ħatfu l-Capitol taħt idhom. 

Fil-fatt din hija l-ewwel elezzjoni li qed issir wara dak l-avveniment li seħħ fl-istess ħin li kienet qed issir is-seduta biex Biden ikun ikkonfermat President.

Jekk ir-Repubblikani jieħdu f'idhom il-kontroll tal-Kungress, kif qed ibassru li jiġri, dawn lesti biex jagħlqu din l-investigazzjoni u jżidu l-iskrutinju fuq il-White House, inkluż fuq Hunter Biden, iben il-President, u r-rabta kummerċjali tiegħu maċ-Ċina. Dan apparti aktar investigazzjonijiet fuq il-politika ta' Biden.

Mill-banda l-oħra, jekk ir-Repubblikani jieħdu kontroll tas-Senat, Biden se jsibha ħafna aktar diffiċli biex ipoġġi fl-ogħla karigi tal-pajjiż, inkluż fil-qrati federali u f'aġenziji kruċjali tal-Gvern, persuni tal-għażla tiegħu. 

Propju għalhekk li d-Demokratiċi qed jinsistu li din hija elezzjoni dwar il-valuri politiċi tal-Istati Uniti, b'Biden ifakkar kontinwament mhux biss f'dan l-attakk imma anke fuq l-attakk li seħħ ftit tal-jiem ilu, meta persuna daħlet u ħebbet għar-raġel tal-Ispeaker Nancy Pelosi.

Jekk Biden imur ħażin ħafna f'dawn l-elezzjonijiet, hemm ċans li jiżdiedu t-talbiet biex fl-2024 ma jerġax joħroġ għall-elezzjoni biex jitlob it-tieni terminu bħala President.

More in Barranin