'Cop27... Opportunità oħra biex il-mexxeja internazzjonali jingħataw l-attenzjoni' - Greta Thunberg

L-attivista ta' 19-il sena tisħaq li mhux se tkun qed tattendi s-summit, li se jibda nhar il-Ħadd li ġej fl-Eġittu

L-attivista żagħżugħa Greta Thunberg għal darb'oħra tissemma fil-ġurnali internazzjonali hekk kif sostniet li hija mhux se tattendi għas-summit globali, Cop27, għal numru ta' raġunijiet fosthom għax "persuni fil-poter u mexxeja globali jużaw dan is-summit għall-attenzjoni." 

Cop27 se jingħata bidu fis-6 ta' Novembru f' Sharm el-Sheikh l-Eġittu u mistenni jibqa' għaddej sat-18 ta' Novembru. Fih mistenni jlaqqa' rappreżentati ta' aktar minn 200 pajjiż. Fil-quċċata tal-aġenda ta' din l-edizzjoni, il-mexxejja se jiddiskutu l-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja, l-inflazzjoni u t-tibdil fil-klima, fost oħrajn.

Hija saħqet li dawn il-konferenzi suppost għandhom jindirizzaw il-bidla fl-attitudni tal-pajjiżi biex jindirizzaw il-kriżi ambjentali iżda minkejja dan, "dawn il-konferenzi mhux qed jilħqu l-għanjiet tagħhom." 

Apparti minn hekk Thunberg sostniet li s-soċjetà ċivili se jkollha limitazzjonijiet kbar din is-sena hekk kif "Cop27 se jsir f'pajjiż li jikser diversi drittijiet umani" inkluż li ma jippermettix dimostrazzjonijiet pubbliċi. Żiedet tgħid li hu importanti li "jkun hemm spazju għall-attivisti għax se tkun diffiċli ħafna li jsemmgħu leħinhom." 

Fil-fatt, il-ġimgħa li għaddiet, iż-żagħżugħa kienet fost il-mijiet li iffirmaw petizzjoni biex l-awtoritajiet Eġizzjani jneħħu r-restrizzjonijiet li jimponu l-libertà tal-espressjoni, l-libertà li jipprotestaw b'mod paċifiku kif ukoll biex jirrilaxxaw priġunieri politiċi.

Fl-aħħar hija temmet tgħid li "l-kriżi ta' sostenibbilità", fil-verità hija kriżi ta' "nuqqas ta' informazzjoni għaliex l-informazzjoni mhijiex tasal għand in-nies." 

More in Barranin