Aġġornata | Rishi Sunak se jkun il-Prim Ministru l-ġdid tar-Renju Unit

Sunak, li kellu f'idu l-finanzi tar-Renju Unit fi żmien il-pandemija, kien l-uniku kandidat li kiseb biżżejjed appoġġ mid-Deputati Konservattivi biex ikun jista' joħroġ għat-tmexxija

L-eks Kanċillier tar-Renju Unit, Rishi Sunak se jkun il-Prim Ministru l-ġdid tar-Renju Unit hekk kif ma kienx ikkontestat fl-elezzjoni għall-ħatra ta' Kap ġdid tal-Partit Konservattiv.

Fl-ewwel kummenti tiegħu, Sunak insista li mhux se jsejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija kif qed titlob l-Oppożizzjoni u wissa dwar sfidi ekonomiċi kbar li l-pajjiż qiegħed u se jkun qed jiffaċċja.

Sunak, li kellu f'idu l-finanzi tar-Renju Unit fi żmien il-pandemija, kien l-uniku kandidat li kiseb biżżejjed appoġġ mid-Deputati Konservattivi biex ikun jista' joħroġ għat-tmexxija.

​Penny Mordaunt ħarġet mit-tiġrija ftit minuti biss qabel għalqu n-nominazzjonijiet. 

L-eks Prim Ministru Ingliż Boris Johnson ukoll ħareġ mit-tiġrija għall-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Konservattiv Ingliż.

Sunak kien tellaq ma' Truss fl-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Konservattiv li seħħet biss sitt ġimgħat ilu, iżda Truss kienet rebħitlu b'21,000 vot.

Tul dik il-kampanja, huwa kien xettiku dwar il-pjani ekonomiċi u finanzjarji ta' Truss. Fil-fatt, kienu dawn l-istess pjani li raw lil Truss tfalli u tirriżenja 44 jum biss wara li saret Prim Ministru.

More in Barranin