Il-kapitali Ukrena mill-ġdid taħt attakk; Jinstemgħu ħames splużjonijiet u jintlaqtu binjiet residenzjali

Xi splużjonijiet seħħew viċin l-istazzjon tal-ferrovija prinċipali

Minn tal-inqas ħames splużjonijiet instemgħu fil-Kapitali Ukreni Kjiv. Konsulent għall-President Ukren qal li l-attakki seħħew permezz ta’ ‘kamikazi drones’ mibgħuta mir-Russja.

Andriy Yermak insista li l-aħħar attakk juri kemm ir-Russja tinsab “iddisprata” wara l-aħħar avvanzi li għamlet l-Ukrajna f’żoni li kienu ġew assedjati u maħtufa mir-Russi.

Is-Sindku Vitali Klitschko qal li fl-attakki ġew milqua diversi binjiet residenzjali fiż-żona ta’ Shevchenkivskiy

Dan huwa t-tieni attakk, f’inqas minn ġimgħa, fuq il-kapitali Ukrena. Il-ġimgħa li għaddiet ġew sparati diversi missili f’żoni residenzjali, fis-sigħat bekrin ta’ filgħodu.

L-ewwel splużjonijiet instemgħu madwar is-6:30am u minn dak il-ħin kien hemm madwar ħames splużjonijiet.

Żewġ splużjonijiet kienu viċin ħafna taċ-ċentri, bl-allarm ma waqafx idoqq minn kmieni dalgħodu, bit-tir li n-nies jibqgħu ġewwa u jfittxu kenn.

Is-Sindku qal li huwa diffiċli wieħed x’jgħid x’inhi l-mira hekk kif ġew milquta kemm binjiet residenzjali u anke oħrajn li mhumiex.

Jidher ukoll li xi splużjonijiet seħħew viċin l-istazzjon tal-ferrovija prinċipali.

L-attakki tal-ġimgħa li għaddiet u anke dawk tal-aħħar jiem kellhom fil-mira infrastruttura importanti, fosthom impjanti tal-enerġija.

More in Barranin