Ir-Russja tattakka u tolqot appartament residenzjali fil-belt Ukrena ta' Zaporizhzhia

Dan l-attakk seħħ ftit wara li Putin qal li se jkun qed jistabilizza s-sitwazzjoni fir-reġjuni li hu ħataf taħt idejh u ddeskriva bħala parti mir-Russja

Kmieni dalgħodu, missili laqtu binja residenzjali fil-belt ta' Zaporizhzhia li tinsab fin-nofsinhar tal-Ukrajna. Din hija l-kapitali ta' wieħed mir-reġjuni li r-Russja ddikjarat bħala parti minnha, wara referendum meqjus illegali u "farsa" mill-Ukrajna u l-Punent.

Minn tal-inqas żewġ persuni nqatlu f'dan l-attakk, filwaqt li oħrajn jidher li għadhom maqbuda. L-Ukreni qed iweħħlu fir-Russi iżda dwar dan ir-Russja baqgħet siekta.

Minn tal-inqas tliet splużjonijiet oħra nstemgħu fil-viċin.

L-attakk seħħ ftit sigħat biss wara diskors li għamel il-President Russu, Vladimir Putin u li matulu qal li s-sitwazzjoni fl-erba' reġjuni se tkun "stabilizzata."

Dan wara li l-Ukreni komplew jagħmlu aktar avvanzi u rebħu għadd ta' bliet strateġiċi f'dawn l-istess reġjuni.

Intant, illum, diversi mexxejja mistennija jiltaqgħu fi Praga għall-ewwel laqgħa ta' dak li qed jissejjaħ "Il-Klabb Ewropew tan-Nazzjonijiet."

​Ir-Russja mhijiex mistiedna biex tieħu sehem u Zelensky mistenni jagħmel indirizz permezz ta' filmat.

More in Barranin