L-Ukrajna tirbaħ belt strateġika oħra hekk kif fl-aħħar sigħat għamlet avvanzi kbar fin-nofsinhar

Id-Deputat Ministru għall-Intern, Yevhen Enin, qal li xejn inqas minn 50 belt u villaġġ issa għaddew lura f’idejn l-Ukreni

Fl-aħħar sigħat il-Forzi Ukreni għamlu avvanzi kbar fir-reġjun ta’ Kherson li r-Russja mhux biss ħatfet taħt idejha iżda saħansitra ddikjarat bħala parti minnha wara referendum deskritt bħala “farsa.”

Fl-aħħar indirizz lin-nazzjon, il-President Zelensky qal li l-villaġġi ta’ Lyubymivka, Khreshchenivka, Zolota Balka, Bilyaivka, Ukrainka, Velyka Oleksandrivka u Mala Oleksandrivka kollha ġew illiberati.

Id-Deputat Ministru għall-Intern, Yevhen Enin, qal li xejn inqas minn 50 belt u villaġġ issa għaddew lura f’idejn l-Ukreni, f’dik li qed tidher bħala disfatta kbira għar-Russi.

Fl-aħħar sigħat, l-Ukreni lliberaw belt oħra strateġika f’dan ir-reġjun. Il-Ministeru għad-Difiża ppubblika filmat li juri lill-Forzi Ukreni jtajru l-bandiera Ukrena f’Davydiv Brid.

Dawn l-avvanzi fin-nofsinhar qed ikunu rrapportati jiem biss wara avvanzi oħra li r-Russi għamlu f’reġjuni fil-Lvant tal-pajjiż li r-Russja wkoll iddikjarat bħala parti minnha.

Ir-Russja xorta waħda għand għandha l-kontroll tal-belt ta’ Kherson, il-kapitali ta’ dan ir-reġjun. Madanakollu ma jfissirx li s-sitwazzjoni mhijiex diffiċli. Fil-fatt, l-Ukreni qed jersqu wkoll viċin din il-Belt. 

Min-naħa tiegħu, il-President Amerikan Joe Biden, kellu kuntatt ma’ Zelensky u assigurat li l-Istati Uniti qatt mhu se jaċċettaw dak li ddikjara Putin dwar l-erba’ reġjuni Ukreni. 

Huma tkellmu wkoll dwar għajnuna oħra li tammonta għal madwar $625 miljuin li l-Amerika mistennija tgħaddi lill-Ukrajna. Din l-għajnuna tista’ tinkludi diversi missili.

More in Barranin