Rabja, kundanni u aktar sanzjonijiet wara li Putin jaħtaf erba' żoni Ukreni

Vladimir Putin għamel tar-Russja erba' reġjuni Ukreni, ibbażat fuq referenda finta u li l-Punent qed iqis bħala illegali

Vladimir Putin
Vladimir Putin

L-aħbar li l-President Russu Vladimir Putin iddikjara erba' reġjuni Ukreni - Donetsk, Luhansk, Kherson u Zaporizhzhia - bħala Russi, wara referendum finta ġabet magħha rabja, sanzjonijiet u kundanni, mill-Ukrajna u minn diversi qawwiet tal-Punent, inkluż minn pajjiżi ġirien tar-Russja. Fil-fatt l-Estonja sostniet li qatt mhi se tirrikonoxxi ir-riżultat tar-referendum u sostniet li l-Punent mhux se jieqaf sakemm Putin jitlef din il-gwerra. Il-Finlandja - pajjiż ieħor ġar tar-Russja u li jirrapreżenta l-itwal fruntiera tal-UE mal-pajjiż li jmexxi Putin - sostna li s-sovaranità Ukrena għandha tkun waħda indiviżibbli u li ma għandhiex tkun vjolentata. Il-Finlandja qalet li mhux se tirrikonoxxi riżultati ta' "referenda illegali".

L-erba’ referendums, f’erba’ reġjuni okkupati mir-Russja fl-Ukrajna taw id-dritt lil erba’ miljun persuna biex jivvotaw f’dawn ir-reġjuni li qalu li madwar 99.23% vvotaw favur li jingħaqdu mar-Russja. L-uffiċjali f’dawn ir-reġjuni, li tpoġġew hemm mill-Kremlin, iddikjaraw appoġġ totali għar-Russja.

Il-President Franċiż Emmanuel Macron qal illi pajjiżu se jibqa' jkun maġenb l-Ukrajna fil-konfront tar-Russja u se jaħdem biex jara illi l-Ukrajna tirkupra s-sovranità sħiħa tagħha fuq it-territorju. 

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Svediża Ann Linde ukoll sostniet li l-Iżvezja qatt mhi se tirrikonoxxi referenda u l-istess sostna l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Wopke Hoekstra li ddeskriva dak li seħħ fl-aħħar sigħat bħala "kompletament inaċettabbli" u qal ukoll li ma hemm ebda post "għall-imperjaliżmu vjolenti fis-seklu 21." 

Liz Truss, il-Prim Ministru l-ġdid Ingliż fakkret li dan huwa ksur mill-ġdid tal-liġi internazzjonali minn Putin filwaqt li s-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg saħaq li ż-żoni li Putin qed jiddikjara parti mir-Russja, jibqgħu żoni Ukreni. 

Intant il-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda ħa vot fuq riżoluzzjoni li tikkundanna l-ħtif tar-Russja ta' partijiet mill-Ukrajna, liema riżoluzzjoni ma għaddietx, wara li r-Russja użat il-veto. Għaxar pajjiżi ivvutaw favur, li huma: L-istati Uniti, Franza, l-Albanija, il-Ghana, l-Irlanda, il-Kenya, il-Messiku, in-Norveġja, ir-Renju Unit u l-Emirati Għarab Magħquda. Dan filwaqt li iċ-Ċina, il-Brażil, l-Indja u l-Gabon astjenew. 

Intant kemm ir-Renju Unit u anke l-Istati Uniti imponew sanzjonijiet ġodda fl-aħħar sigħat.

 

More in Barranin