'Qatt, qatt u qatt mhu se naċċettaw li Putin jaħtaf erba' reġjuni Ukreni' - Biden

Hekk kif illum Putin mistenni jiddikjara li erba' reġjuni Ukreni saru parti mir-Russja, il-President Ukren se jlaqqa' b'urġenza l-Kunsill Nazzjonali għas-Sigurtà u d-Difiża biex jieħu deċiżjonijiet 'importanti u fundamentali'

Il-President Amerikan, Joe Biden qal li l-Amerka “qatt, qatt u qatt” mhu se taċċetta d-deċiżjoni tar-Russja li taħtaf erba’ reġjuni Ukreni.

Biden qal dan hekk kif illum, il-President Russu, Vladimir Putin, mistenni jagħmel diskors importanti u li fih se jkun qed jiddikjara uffiċjalment li erba’ reġjuni Ukreni issa saru parti mir-Russja.

Il-Kremlin qed jisħaq li wara referendum li sar fl-erba’ reġjuni, Luhansk, Donetsk, Zaporizhzhia u Kherson, iċ-ċittadini qabblu li jsiru parti mir-Russja.

Ir-reġjuni jagħmlu xejn inqas minn 15% tat-territorju Ukren.

Madanakollu, il-votazzjoni kienet deskritta bħala “falsità kbira” kemm mill-Ukrajna u anke mill-alleati tagħha fil-Punent.

Fil-fatt, il-President Biden insista li ġaladarba Putin ħa din id-deċiżjoni, l-Istati Uniti se jkunu qed jimponu sanzjonijiet ġodda b’saħħithom kontra r-Russja.

“Irridu nkunu ċari ħafna dwar dan. Aħna qatt, qatt u qatt mhu se nirrikonoxxu dak li qed tgħid ir-Russja fuq territorju sovran Ukren,” insista Biden.

It-tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni li se ssir illejla fir-Russja
It-tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni li se ssir illejla fir-Russja

Ilbieraħ, il-President Russu ffirma żewġ digrieti li fihom irrikonoxxa lir-reġjuni ta’ Zaporizhzhia u Kherson bħala territorji indipendenti. Din hija l-ewwel pass qabel jiddikjarahom parti mir-Russja.

Din mhijiex l-ewwel darba li Putin għamel xi ħaġa simili. Fl-2014 l-istess għamel fil-Krimea.

Id-dokumenti, li ġew imxerrda fuq il-midja tal-istat jgħidu li l-indipendenza taż-żewġ reġjuni hija rrikonoxxuta b’rispett sħiħ lejn il-liġi internazzjonali u anke skont dak li tgħid il-Ġnus Magħquda.

Madanakollu, is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, António Guterres, insista li ġaladarba kien hemm l-użu tal-forza, dan awtomatikament jikser il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda u l-liġi internazzjonali.

Iddeskriva dak li qed jagħmel Putin bħala xi "eskalazzjoni perikoluża” u li ma għandha l-ebda post f’dinja moderna.

Min-naħa tiegħu, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky se jkun qed jiddeċiedi dwar kif se tirrispondi l-Ukrajna waqt laqgħa urġenti tal-Kunsill Nazzjonali għas-Sigurtà u d-Difiża.

Is-Segretarju tal-istess Kunsill, Oleksiy Danilov, qal li se jkunu qed jittieħdu deċiżjonijiet importanti u fundamentali. Madanakollu naqas milli jagħti aktar dettalji. 

Hu mifhum li anke l-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, ċempel lil Putin u qallu li ma jaqbilx mad-deċiżjoni tiegħu.

Intant, illum, Putin mistenni jagħmel diskors importanti fil-Kremlin li matulu mistenni jiddikjara uffiċjalment li dawn ir-reġjuni saru parti mir-Russja u wara se ssir attività fil-Pjazza l-Ħamra f’Moska, inkluż kunċert.

More in Barranin