Għada Putin se jiddikkjara formalment erba' reġjuni Ukreni bħala parti mir-Russja

Għal din iċ-ċerimonja uffiċjali għaddejja tħejjija kbira fil-qalba ta' Moska. Putin mistenni jindirizza lill-Kremlin u aktar tard filgħaxija hemm organizzat kunċert

Għada, il-President Russu Vladimir Putin, se jkun qed jattendi ċerimonja uffiċjali li fiha uffiċjalment se jkun qed jiddikjara erba' reġjuni Ukreni bħala parti mit-territorju Russu.

Dan wara referendum li ġie organizzat f'dawn ir-reġjuni maħtufa mir-Russja. Skont siti tal-aħbarijiet favur il-Kremlin, aktar minn 99% taċ-ċittadini f'dawn ir-reġjuni, li jammontaw għal 15% tat-territorju Ukren, ivvotaw favur li jsiru parti mir-Russja.

Kemm l-Ukrajna u anke l-alleati kollha tagħha, ikkundannaw dawn il-votazzjonijiet u ddeskrivewhom bħala "falsità kbira."

Ir-reġjuni inkwistjoni huma Luhansk u Donetsk, fil-lvant tal-Ukrajna u Zaporizhzhia and Kherson, fin-nofsinhar tal-pajjiż.

Putin mistenni jagħmel diskors, meqjus imporanti, fil-Kremlin.

Fil-qalba tal-Pjazza l-Ħamra f'Moska, tpoġġa palk kbir u billboard enormi li jiddikjara li dawn ir-reġjuni huma issa parti mir-Russja. Filgħaxija mistenni jkun organizzat kunċert.

L-attività hija simili għal dik organizzata fl-2014 meta r-Russja okkupat u ħadet ukoll f'idha t-tmexxija tal-Krimea wara referendum li wkoll kien ikkundannat mill-pajjiżi tal-Punent.

Diversi analisti qed jisħqu li l-Gwerra fl-Ukrajna taf tieħu xejra differenti, hekk kif issa Putin se jkun jista' jakkuża  lill-Ukrajna u lill-alleati tagħha, li qed jheddu territorju Russu, jekk l-Ukreni jipprovaw jattakkaw biex jieħdu lura f'idhom dawn it-territorji.

More in Barranin