L-Iżvezja sabet ħsara oħra f'wieħed mill-pipelines taħt il-baħar li jwassal il-gass naturali mir-Russja għall-Unjoni Ewropea. Din hija r-raba' ħsara li nstabet matul din il-ġimgħa.
Kemm id-Danimarka u anke l-Iżvezja rrapportaw il-ħruġ ta' dan il-gass minn taħt il-baħar u informaw lill-awtoritajiet li l-ħsara tista' tkun riżultat ta' attakk.
L-Unjoni Ewropea qed tisħaq li l-ħsara ma hija xejn għajr sabutaġġ.
Ir-Russja, min-naħa tagħha, qed tiċħad l-allegazzjonijiet. Fi kliem il-Kremlin, l-akkuża li r-Russja attakkat pipeline tagħha stess hija "stupida."
Din mhux l-ewwel darba li l-Unjoni Ewropea akkużat lir-Russja li qed tuża l-gass bħala arma kontra l-pajjiżi tal-Punent li ngħaqdu kollha wara l-Ukrajna.
Il-mexxejja tal-UE saħqu li għal kwalunkwe attakk li jsir fuq l-infrastruttura tal-enerġija tagħha se jkun hemm "l-aktar azzjoni b'saħħitha possibbli."
In-Norveġja, fost oħrajn, qalet li se tkun qed tordna lill-militar tagħha biex tipproteġi l-infrastruttura tagħha taż-żejt u l-gass.
Għalkemm fihom il-gass, preżentament iż-żewġ pipelines mhux qed iwasslu l-gass.
Wieħed mill-pipelines ilu minn Awwissu ma jiffunzjonax. Kienet ir-Russja stess li għalqitu għax qalet li hemm bżonn tiswijiet.
Intant, sismologi rrapportaw splużjonijiet taħt il-baħar qabel il-ħruġ tal-gass sar evidenti.